Mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla ser titwaqqaf l-importazzjoni ta’ Single-Use Plastics. Dan sabiex fis-sena ta’ wara ser ikun qiegħed jieqaf il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Fil-qari tal-budget intqal kif f’dan iż-żmien tranżitorju ser ikun importanti li l-pubbliku ġenerali jsir iżjed konxju tal-ħsara li jagħmel il-plastik mhux riċiklabbli fuq l-ambjent.
F’kuntest li se tibda tingħata rifużjoni fuq il-flixken tax-xorb, il-Gvern qal li issa jmiss li matul is-sena d-dieħla titpoġġa f’postha l-infrastruttura neċċessarja inkluż il-magni li fihom il-pubbliku ġenerali se jkun jista’ jirritorna l-kontenituri vojta.
Il-ħarsien ambjentali jissemma sew fil-budget u se jkun inkorporat f’iżjed proġetti hekk kif wara l-ewwel erba’ Green Walls f’pajjiżna, is-sena li ġejja ser ikunu imnedija skemi biex residenzi privati u ħwienet fiż-żoni urbani wkoll ikunu jistgħu jinstallaw dawn it-tip ta’ ‘Green Walls’ mal-faċċati. Dan filwaqt li ser issir ħidma fuq il-kunċett ‘grey to green’ għal iktar infrastruttura ħadra.
Intant, il-Gvern ser ikun qed jara li ma jkunx hemm tibdil fit-taxxa tar-reġistrazzjoni u l-miżata tal-liċenzja annwali fuq vetturi minħabba sistema Ewropea ġdida fuq emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi.