Mit-28 t’Ottubru, se jiddaħħlu wkoll sistemi ta’ rapid testing f’erba’ sitwazzjonijiet.
“Ħa nużawhom inizjalment f’erba’ sitwazzjonijiet, jiġifieri fl-airport. Biex inkunu nistgħu nagħmlu aktar testijiet fuq passiġġieri li ikunu deħlin ġewwa pajjiżna. Ħa nużawhom biex ngħinu li dipartiment tal-edukazzjoni speċjalment fejn ikun hemm suspett ta’ student jew teachers li ikunu pożittivi għal COVID. Ħa nużawhom f’setting mediku, fl-emergenza , fil-kura primarja inkluż mat-tobba privati biex fejn ikollhom pazjenti li huma suspettati li għandhom il-COVID inkunu nafu immedjatament. Ħa nuzawhom fid-djar tal-anzjani, l-istess biex inkunu nistgħu dagħmlu dijanjosi kmieni ta dawk il-pazjenti jew careers jew staff li huma pożittivi.”
Il-Ministru tas-Saħħa fakkar fl-appell biex kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza. Qal li fl-ewwel sitt xhur tal-kampanja tas-sena li għaddiet, tlaqqmu 89,000 persuna. Fl-ewwel sitt ijiem ta’ din is-sena, diġà tlaqqmu 75,000 li għal xi raġuni jew oħra huma meqjusa vulnerabbli. Minħabba dan in-numru rekord, se jinġiebu aktar tilqim tal-influwenza.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, spjega li se jkun hemm timijiet apposta ffukati fuq l-infurzar tal-miżuri b’rabta mal-COVID-19.
“Fl-istess waqt li l-awtoritajiet huma responsabbli mill-infurzar ġewwa pajjiżna kienu u ser ikomplu jagħmlu l-ispezzjonijiet relevanti u anke se nżidu dawn l-ispezzjonijiet anke permezz ta’ Covid dedicated teams illi se jkunu totalment iffukati fuq il-miżuri relatati mall-Covid.”
Il-Ministru fakkar li filwaqt li l-multi l-ġodda se jibdew fi ftit tal-jiem oħra, dawk eżistenti fuq ġewwa se jibqgħu jingħataw.
Qal li l-Pulizija se jkunu qed jgħinu b’mod partikolari biex jaraw li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ nies fil-pubbliku.
Il-Ministru Camilleri qal li minn nofs Awwissu sal-lum, ingħataw kważi 800 multa, u appella lis-sidien tal-istabbilimenti u n-negozji biex josservaw il-liġijiet.
Qal li aktar minn kollox, irridu nkunu ddixxiplinati magħna nfusna u m’hemmx għalfejn iċanfrek l-istat.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn Marzu sal-lum, id-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu dejjem imsejsa fuq l-evidenza, u huwa għalhekk li llum tħabbru dawn il-miżuri, fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri kullimkien.
Qalet li tfal li għandhom inqas minn tliet snin u nies b’ċerti kundizzjonijiet respiratorji huma eżentati mill-użu obbligatorju tal-maskri.
Spjegat is-sitwazzjonijiet fejn wieħed jista’ jneħħi l-maskra. Fost dawn hemm fil-karozzi privati, waqt attività fiżika qawwija, meta nies jitkellmu ma’ persuni li jiddependu fuq il-qari tax-xufftejn, f’każijiet fejn ikun hemm bżonn li ssir identifikazzjoni bħal f’bank jew f’ajruport, għal trattamenti jew servizzi fuq il-wiċċ u waqt ikliet f’ristoranti.
Il-Professur Gauci qalet li dawn il-miżuri huma importanti biex jitnaqqas in-numru ta’ infezzjonijiet.