Fost il-miżuri, se tidħol fis-seħħ restrizzjoni li mit-Tnejn li ġej, il-bars u l-każini se jagħlqu fil-ħdax ta’ filgħaxija.
“Ma dan se nżidu restrizzjoni li tikkonsisti li l-bars u l-każini jgħalqu fil-23:00. Ma hemmx lok għall-kompjaċenza. Complacency.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li fost il-miżuri li ddaħħlu dan is-sajf kienet dik li l-istabbilimenti tad-divertiment u l-każini jistgħu jservu biss ikel jew xorb bilqiegħda, u li persuni ma jistgħux jiltaqgħu f’ġemgħat ta’ aktar minn għaxar persuni.
Innota li bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra, dawn ir-regoli mhux qed jiġu osservati għaliex dik il-biża’ fost il-poplu naqset.
Din is-sitwazzjoni se tiġi indirizzata b’aktar edukazzjoni u għarfien fost il-pubbliku dwar l-obbligi tiegħu b’rabta ma’ miżuri tal-COVID-19, u bl-infurzar.
Qal li għandna erba’ istituzzjonijiet li diġà qegħdin jagħmlu infurzar, fejn fix-xhur tas-sajf saru 150,000 spezzjoni, imma dan hemm bżonn jiżdied.
Spjega kif sar qbil mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, biex meta jinstab ksur tar-regolamenti, mhux biss jinħarġu multi imma tittieħed il-liċenzja f’każijiet fejn il-ksur ta’ liġi jsir aktar minn darba.
Dwar l-użu obbligatorju tal-maskri, Chris Fearne ħabbar li minn għada, l-użu tal-maskri se jsir tassattiv kullimkien inkluż fuq il-postijiet tax-xogħol u fi spazji pubbliċi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet.
“Minn għada l-użu tal-maskli ħa issir tassattiv kullimkien. Ħa jkun hemm xi eċċezzjonijiet pereżempju qiegħed fil-karozza privata tiegħek, jekk qiegħed id-dar, jekk qiegħed waħdek ġo uffiċju tista ma tilbis il-maskla u hemm xi eċċezzjonijiet oħra li minn hawn u ftit ieħor tkun tista tispjegahom is-Supretendent ta’ Saħħa Pubblika. Pero bażikament minn għada ħa tkun tasativa li tintlibes il-maskla l-ħin kollhu u kullimkien.”