Mumenti wara li rritorna minn Summit Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza lill-midja f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja.
Huwa qal li tema ewlenija li ġiet diskussa waqt is-Summit kienet il-pandemija għaliex kull stat membru qed jara żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet. Il-Prim Ministru qal li ninsabu f’mument kritiku li filwaqt li nkomplu nħarsu s-saħħa tan-nies, nissalvagwardjaw ukoll l-għixien tan-nies.
Dr. Abela qal li t-Tnejn li ġej, fil-budget għas-sena d-dieħla, se jkun hemm miżuri ekonomiċi importanti biex jiġu mgħejjuna eluf ta’ Maltin u Għawdxin għaliex filwaqt li s-saħħa kienet, għadha u se tibqa’ prijorità, il-ħajja trid tkompli.
“Irridu nżidu iktar responsabbiltà fost kulħadd biex insalvaw il-ħajjiet tal-persuni vulnerabbli u nkomplu ngħixu ħajjitna u niproteġu l-għajxien tan-nies. Niproteġu the lives and livelyhoods”.
Huwa nnota li pajjiżi differenti qed jieħdu miżuri differenti għaliex ħadd għadu ma sab kif iżomm il-pandemija milli tkompli tinfirex bla ma jinħoloq impatt devastanti fuq l-għixien tan-nies u bla ma titkisser kull forma ta’ normalità.
F’sensiela ta’ miżuri effettivi u sostenibbli, il-Prim Ministru ħabbar li se jitwessa’ l-użu obbligatorji tal-maskri.
Qal li se jiżdied ukoll l-infurzar mill-awtoritajiet, fosthom il-Pulizija u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li se jwasslu messaġġ ta’ dixxiplina u serjetà.