Il-Ġimgħa filgħodu tnediet l-iskema li permezz tagħha ser jonqsu l-emmissjonijiet minn inġenji u makkinarji li jintużaw fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Din l-iskema, li għaliha hemm investititi erba’ miljun ewro u li tifforma parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomija, ser tara li diversi operaturi tal-kostruzzjoni jneħħu makkinarji li jniġġsu l-arja u jinvestu f’inġenji li jnġissu mill-inqas jew li jaħdmu totalment bl-elettriku.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, fejn spjega li apparti din l-iskema se tgħin lill-diversi burdnara li jġorru xogħol ta’ kostruzzjoni, dawk li joperaw fil-barrieri, operaturi li jikru fis-settur tal-kostruzzjoni, se tgħin ukoll biex jintlaqħu miri ambjentali.
“B’din il-miżura qegħdin ngħidu li dak li jkun irid jiskreppja makkinarju li jkun antik u li jniġġes u tixtri makkinarju modern li jħammeġ ħafna inqas u għalhekk qed naraw miżura b’saħħitha li anke saħansitra tissaportja 60% jekk il-makkinarju li tixtri jkun bl-elettriku. Dan huwa l-mod kif qed naħdmu li filwaqt li ngħinu lilll-industrija, fl-istess ħin naraw li notjenu l-kredenzjali ambjentlali li rridu nilħqu.”
Il-Ministru Schembri qal kif kull applikant jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €200,000. Spjega li min jixtri inġenji li jniġġsu inqas se jibbenefika sa massimu ta’ 40%, min jixtri makkinarju hybrid se jibbenefika sa 50% u min jixtri inġenji elettriċi jibbenefikaw l-ogħla għajnuna ta’ 60%.
Min-naħa tiegħu Gilbert Bonnici, wieħed mill-operaturi ta’ kumpanija prominenti tal-kostruzzjoni f’pajjiżna u li għandha madwar mitt makkinarju li jaħdmu favur l-ambjent, laqa’ b’mod pożittiv din l-iskema.
“Min-naħa tagħna aħna ninċentivaw ħafna dawn l-iskemi għax apparti li huma health and safety jinċentivaw aktar kompetitivita u huma apparat li jimxi mal-parametri tal-ambjent ta’ madwarna.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu fl-ewwel ta’ Diċembru u jagħlqu fil-wieħed u għoxrin ta’ Mejju ta’ sena d-dieħla.
L-applikazzjoni trid tiġi sottometta qabel ma jinxtara l-makkinarju.