Fl-ewwel tlett ijiem mindu bdiet tingħata t-tilqima tal-influwenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fil-bereġ madwar il-pajjiż, tlaqqmu erbatax-il elf mija u għoxrin persuna, li għal xi raġuni jew oħra huma meqjusa vulnerabbli.
L-Erbgħa filgħodu, crew ta’ dan l-istazzjon sebaħ fiċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana, fejn tkellem maċ-Charge Nurse Clotty Spiteri dwar l-andament tat-tilqim tal-influwenza.
Spjegat li, “L-andament kien tajjeb ħafna, qawwi, iktar mis-soltu, in-nies laqgħu l-appell li huwa importanti ħafna li dis-sena iktar minn snin oħra li jieħdu l-vaċċin tal-influwenza kemm għal daż-żmien li issa ħa nibdew bl-influwenza u kemm dis-sena iktar mis-snin ta’ qabel peress li għandna l-COVID ukoll magħna.” 18
L-infermiera spjegat li l-vaċċin huwa sigur, u ingħaqdet mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa biex kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza.
Qalet li, “Inserraħ moħħ in-nies li huwa vaċċin safe ħafna, fiha three strains tal-influwenza, tiġi magħmula skont il-viruses li jkun hemm fl-arja li jibdew mill-Awstralja jiġifieri tkun ħafna drabi effettiva ħafna.”
Uħud min-nies li kienu qed jitlaqqmu fil-ħin li saret l-intervista, qalulna li din is-sena ħassew bżonn akbar li jitlaqqmu minħabba l-imxija.
It-tilqima tal-influwenza qed tingħata fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha f’Malta u f’Għawdex bejn l-għaxra ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Min-naħa l-oħra, l-iskeda tal-ħinijiet tal-bereġ tista’ tinkiseb mill-Kunsilli Lokali.
Għalissa huma persuni li għandhom aktar minn ħamsa u ħamsin sena, tfal minn sitt xhur sa ħames snin, persuni b’mard kroniku u dawk fuq quddiem nett fil-ġlieda fl-imxija, li qed jitlaqqmu.
Imbagħad, mill-ewwel ta’ Novembru, it-tilqima se tingħata bla ħlas lil kulħadd.
Spjegat kif, “Fiċ-ċentri tas-saħħa ndaħħlu ftit nies, bis-social distancing sa 2 metres, u jistennew fil-kju, u nagħmel appell lin-nies biex kemm jista’ jkun joqogħdu 2 metres ’il bogħod minn xulxin.”