Ftit jiem qabel ma bdew il-lezzjonijiet fl-Università ta’ Malta, l-istudenti tal-arkitettura qattgħu tlett ijiem sħaħ jibnu strutturi sabiex isebbħu u jsaħħu l-aċċessibilità ħdejn il-kosta fil-Belt Valletta.
L-ewwel proġett bl-isem ta’ “Skalda” kien jinvolvi l-bini ta’ struttura li se tagħti aċċess lill-pubbliku sabiex ikun jista’ jinżel jew jersaq lejn il-baħar ħdejn il-Forti Sant’Iermu. L-istruttura li wkoll tikkumplimenta l-ambjent tal-madwar inkluż il-ġebel, għandha l-għan sabiex lill-pubbliku twasslu f’vjaġġ lejn il-kosta ta’ Marsamxett u tagħti lill-pubbliku spazju li qabel ma’ kellux.
It-tieni proġett, bl-isem ta’ “Mewġ” ra l-bini ta’ struttura li se tgħaqqad aktar lin-nies li jżuru din iż-żona. Permezz tal-istalazzjoni, li wkoll hija biswit il-kosta ta’ ħdejn il-Forti, se tagħti esperjenza aħjar lil kull min iżur din iż-żona, minn tfal sa adulti li jmorru jfittxu d-dell mill-qilla tax-xemx.
Fit-tielet proġett bl-isem ta’ “L-Aħħar Ċena”, l-istudenti li qed jaspiraw li jsiru periti bnew struttura f’forma ta’ mejda. Qabel ma bnew din l-istruttura dawn l-istudenti tkellmu ma’ residenti Beltin, fejn ħareġ il-kunċett ta’ esperjenzi tal-passat u kif dawn jintegraw ma’ xulxin. Permezz ta’ din l-idea u struttura, ħdejn il-kosta tal-Belt żdied post ieħor fejn il-pubbliku jista’ jpoġġi u jgħid kelma ma’ ħaddieħor.
Dawn il-proġetti, organizzati kollha mill-Għaqda Studenteska SACES, kienu b’kolaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u Valletta Design Cluster.
Il-pubbliku huwa mistieden sabiex iżur u jagħmel użu minn dawn il-proġetti