F’laqgħa f’Kastilja mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-Prim Ministru Robert Abela sema’ kif ir-restrizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur minħabba l-imxija, ħallew impatt fuq ħajjet il-persuni b’diżabilità.
Filwaqt li tenna li dan huwa Gvern aċċessibbli għal kulħadd u dejjem miftuħ għad-djalogu, il-Prim Ministru qal li l-eħfef ħaġa għall-Gvern hija li jżid ir-restrizzjonijiet.
Spjega li, “Mhux la kemm iżżid ir-restrizzjonijiet. Dik hija l-eħfef ħaġa fil-verità għall-Gvern li jżid ir-restrizzjonijiet, mhix diffiċli biex tagħmilha. Imur biss avviż legali fin-nofs, imma trid tara l-impatt.”
Robert Abela qal li fil-mument, l-unika soluzzjoni tibqa’ l-osservanza tar-restrizzjonijiet preżenti, u hawnhekk wiegħed żieda fl-infurzar u fis-sorveljanza.
Tenna li ma jistax ikun hemm settur li jerfa’ piż akbar minn oħrajn, u saħaq fuq il-bilanċ bejn ir-restrizzjonijiet u l-isforzi tas-soċjetà biex għada jkun aħjar mil-lum.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, qal li l-aktar nies li ntlaqtu mill-effetti tal-pandemija kienu persuni b’diżabilità severa, fosthom dawk fl-ispettru tal-awtiżmu, persuni b’nuqqas intellettwali u dawk bi problemi ta’ saħħa mentali.
Dan minħabba ċertu restrizzjonijiet, li ġabu magħhom nuqqas ta’ terapija bħal speech and language therapy, occupational therapy u physiotherapy.
Dwar l-edukazzjoni, Oliver Scicluna saħaq li jemmen fit-tagħlim li jingħata fuq il-bankijiet tal-iskejjel.
Qal li, “Irridu nżommu f’moħħna li minn wara screen ma jiggwadanjax kulħadd, hemm numru kbir ta’ studenti li għandhom kundizzjonijiet li jbatu biex ikampaw mal-edukazzjoni. L-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u din il-pandemija – jekk tista’ ssejħilha pandemija għax ma nafx meta se tieqaf u ma nafx meta se naslu għall-punt li ngħidu aħna safe, ma nistgħux inwaqqfu li ngħixu ħajjitna.”
Oliver Scicluna fakkar li ħajjet il-persuni b’diżabilità tiddependi fuq ħafna servizzi li jeħtieġu li jibqgħu jingħataw, u saħaq li jissakkru fid-djar residenzjali mhix soluzzjoni.
Huwa ppreżenta riċerka li saret mill-Kummissjoni lill-Prim Ministru, u rringrazzjah tal-mod kif mexxa lill-Gvern fl-aħħar xhur bir-riżorsi li kellu u bl-għarfien limitat f’sitwazzjoni li qed tinbidel kuljum.
Appella li din m’għandhiex tkun sitwazzjoni ta’ pika bejn il-unjins u l-Gvern għaliex il-persuni b’diżabilità mhumhiex ħabel imma għandhom jingħataw dak li hu tagħhom.