Hekk kif issoktaw il-laqgħat ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-budget, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.
Fil-laqgħa li saret l-Erbgħa filgħodu fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-importanza tad-diversi miżuri li ħa l-Gvern biex żamm il-qasam tal-impjiegi b’saħħtu tul il-pandemija.
Qal li filwaqt li ħa ħsieb is-saħħa tan-nies, il-Gvern ħa ħsieb ukoll il-ħobża ta’ kuljum tagħhom, u dan huwa l-għan li se jibqa’ jmexxih fiż-żmien li ġej.
Qal li, “Hekk se jibqa’ l-oġġettiv ewlieni ta’ dan il-Gvern li n-nies jibqa’ jkollhom l-introjtu tagħhom garantit. Min iħaddem ikollu n-negozju tiegħu garantit, l-income tiegħu garantit, il-profitti wkoll garantiti u noħolqu dan il-bilanċ bejn saħħa, ekonomija b’saħħitha u governanza tajba, dawn it-tliet pilastri li nemmen li f’dan il-mument dejjem kienu importanti imma f’dan il-mument jassumu importanza ikbar.”
Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar xhur sab komunità reżiljenti li ma kinitx lesta taqta’ qalbha u qed tħares biex fix-xhur li ġejjin, terġa’ taħrab tiġri kif kienet qed tagħmel sa ftit tax-xhur ilu.
Il-Prim Ministru temm jgħid li huwa konvint li b’sens ta’ dixxiplina, u jekk kulħadd josserva l-miżuri li għandhom l-għan li jikkontrollaw it-tixrid tal-imxija, fi ftit tax-xhur oħra nkunu nistgħu nimxu ’l quddiem u nkomplu fejn ħallejna.
Arthur Muscat, il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, ppreżenta sett ta’ proposti msejsa fuq konsultazzjonijiet li jippreżentaw is-sentiment komuni fost disa’ mitt kumpanija li bejniethom jimpjegaw sittin elf persuna.