Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-Pulizija investigat total ta’ erba’ mija u tnejn u tmenin rapport ta’ persuni nieqsa, il-maġġoranza tagħhom minuri.
Is-sena l-oħra, kien hemm seba’ mija u tnejn u sebgħin persuna li ġew irrappurtati nieqsa, il-maġġoranza ukoll kienu minuri.
L-Assistent Kummissarju responsabbli mit-taqsima li tinvestiga dawn ir-rapporti, saħaq li kull każ jingħata l-istess attenzjoni, irrispettivament mill-età jew il-ġeneru, u jiġu kkunsidrati ċertu fatturi li jistgħu jagħmlu persuna, vulnerabbli.
Dr. Dennis Theuma qal li sfortunatament, uħud minn dawn ir-rapporti jirriżultaw f’persuni li jkunu għamlu suwiċidju jew saħansitra nqatlu.
Għal dan il-għan, hemm skwadra speċjalizzata fi ħdan il-Korp li tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-qraba tal-vittmi.
Huwa qal: “Niltaqgħu ma’ ħafna każijiet allura nistgħu nagħtu ċertu input imma ovvjament imbagħad hemm il-professjonisti, through l-Victim Support Unit li hija l-liasoning Unit, ic-channeling organ, li tqabbadhom b’telephone numbers tal-entitajiet biex nippruvaw nagħtuhom is-sapport għax hija trawma.”
Meta jidħol rapport ta’ persuna nieqsa, awtomatikament jintbagħat messaġġ bid-dettalji u ritratt tagħha, lill-Pulizija u entitajiet ta’ infurzar madwar l-Ewropa.
L-Assistent Kummissarju kompla jispjega: “Ġieli kellna rapport fejn ir-raġel jirraporta missing lill-mara. Teknikament imbagħad jirriżulta li l-mara ħarbet mid-dar. Missing veru, imma għandha kull dritt titlaq. Aħna nivverifikaw li dik il-mara qiegħda in good health fil-pajjiż li telqet, and case is closed.”
Hemm ukoll persuni li ilhom irrappurtati nieqsa snin sħaħ: “Ħafna drabi meta jkollok każ ta’ persuna missing u jdum ħafna żmien, tibda taħseb fil-ħażin. Jista’ jkun li dik il-persuna riedet titlaq, riedet tisparixxi, imma jkun hemm okkażjonijiet oħra fejn ikun hemm affarijiet oħra imma ovvjament, you have to have evidence.”
L-Assistent Kummissarju saħaq li f’dawn il-każijiet, wieħed ma jridx jippanikkja, imma fl-istess ħin ma jħallix ħafna biex jirrapporta, għaliex kif jgħid il-Malti, aħjar uff milli aħħ.
Huwa sostna: “Jekk din persuna li normalment kważi bħal arloġġ Żvizzeru wara x-xogħol tiġi d-dar, u ma ġietx, ma tistax taqbadha fuq il-mobile, ma’ min suppost kienet ma kinitx, ma rawhiex ix-xogħol, hemmhekk suppost jibdew jdoqqu l-alarm clocks f’dak il-każ ikun opportun li jsir rapport għax time is crucial, xi kultant dik id-differenza fil-ħin, tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt.”