Qed tiġi mtella’ esebizzjoni oħra ta’ xogħol artiġjanali Malti fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Fil-ftuħ tal-esebizzjoni, l-Ministru Chirs Cardona ħeġġeġ il-ħidma fis-settur artiġjanali u għal dawk li jafu jagħmlu dan ix-xogħol biex jipparteċipaw fl-esebizzjoni li qed tiġi organizzata mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
L-esebizzjoni hija miftuħa għal tipi differenti ta’ prodotti, fosthom xogħol ta’ tessuti bħal bizzilla, il-ganutell, in-newl, il-ħjata, xogħol bil-ganċ u rakkmu kif ukoll l-prodott tal-għasel, xogħol tal-ħġieġ u tpinġija fuq il-ħġieġ.
Il-Ministru Cardona qal li l-esebizzjoni kienet miftuħa wkoll għal xogħol magħmul mill-ġilda u mill-qasab, iżda ma kienx hemm artiġjani li jaħdmu f’dawn l-oqsma li tħajjru jesebixxu l-prodotti tagħhom.
Applikazzjonijiet biex dawk interessati jikkontribwixxu huma wkoll għal din l-esebizzjoni qed jintlaqgħu mid-Dipartiment tal-Kummerċ sa nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Settembru.
Il-Ministru spjega li se jkomplu jinħolqu inizjattivi li jikkontribwixxu lejn klima li tinkoraġġixxi l-artiġjani Malti u Għawdxi. L-esebizzjoni se tkun miftuħa għall-pubbliku sa nofs Ottubru. Uħud mill-artiġjani se jesebixxu waqt in-Notte Biance, nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru.
Din hija it-tielet esebizzjoni li qed issir hawnhekk, wara oħra fi Frar li għadda u oħra li saret tard is-sena l-oħra meta kienu ġew esebiti l-prodotti artiġjanali li kienu qed jikkompetu f’inizjattiva oħra tad-Dipartiment tal-Kummerċ, dik magħrufa bħala Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti.
Ritratt: Paul Scicluna