Ġimgħa eżatt qabel id-diskors tal-Budget il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ.
F’Kastilja, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tad-djalogu speċjalment f’dawn iż-żminijiet. Tenna wkoll li d-djalogu bejn il-Gvern immexxi minnu u l-Kamra tal-Kummerċ ma qata’ qatt u fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern nieda l-viżjoni ekonomika tiegħu f’laqgħa tal-kabinett li seħħet propju fil-Kamra tal-Kummerċ.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-budget li fih aktar minn mija u għoxrin proposta fuq diversi setturi ewlenin.
Xuereb spjega wkoll li l-Kamra tal-Kummerċ tixtieq li l-Gvern, permezz tas-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija jfassal Budget li jkompli jsaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ekonomija tal-pajjiż.
Xuereb tkellem ukoll dwar l-importanza tal-governanza t-tajba. Il-Prim Ministru laqa’ dan u sostna li dan is-suġġett huwa importanti għall-Gvern immexxi minnu.
Il-Prim Ministru Abela laqa’ wkoll il-kummenti tas-sit awtorevoli Politico dwar il-miżuri li għadu kif ressaq il-Gvern liema miżuri ġew milqugħa wkoll mill-Kummissjoni Venezja.
Spjega kif “Illum kelli l-opportunità rajt Politico x’kkummenta fuq pajjiżna li normalment huwa kritiku iżda llum l-kummenti dwar il-governanza kienu vera sbieħ il-kummenti. L-nuika kritika kienet li għaġġilna. Dan huwa kif jaħdem dan il-Gvern, ma jitfax problemi tat it-tapit. Ejja ħa naħdmu.”