Jason Attard ta’ erbgha u erbgħin sena, li jgħix Santa Venera, qed jinżamm arrestat wara li fil-jum tal-Ħadd, minn kmieni filgħodu sa tard filgħaxija, huwa allegatament għamel ħdax il-telefonata lill-eks-mara tiegħu fuq il-mowbajl personali tagħha.
Barra minn hekk, huwa ġie mixli li segwiha bil-karozza sal-Mosta u staqsiha “ma liema raġel kienet sejra miegħu?”.
Fil-Qorti huwa deher dispjaċut x’ħin il-Maġistrat, Natasha Galea Sciberras, infurmatu li kien se jkun qed jinżamm arrestat għal minn tal-inqas ħmistax il-ġurnata. Dan għaliex il-każ irid jinstema f’Qorti oħra.
Barra minn hekk il-mara inħarġitilha ordni ta’ protezzjoni sabiex Attard ma jkunx jista’ jersaq, ikellem jew jagħmel xi tip ta’ kuntatt magħha. Dan wara li hi għamlet rapport fit-taqsima tal-vjolenza domestika tal-Pulizija u qalet li l-allegat fastidju kien wieħed serju immens.