B’investiment ta’ madwar ħames miljun ewo se jibdew ix-xogħlijiet ta’ riġinerazzjoni fiż-żona tal-Magħluq f’Marsaxlokk.
F’dan il-proġett, li huwa proġett tal-Ministeru għat-Turiżmu, se jsiru xogħlijiet li minnhom se jgawdu wkoll ix-Xlukkajri, bejjiegħa, sidien ta’ ristoranti u sajjieda, se jkun hemm sistema ġdida ta’ drenaġġ, li se ssolvi l-problema li jfur id-drenaġġ fil-baħar, sistema tal-elettriku ġdid u adegwat għall-istabbilimenti taż-żona, faċilitajiet adegwati għas-sajjieda li jużaw irmiġġi fiż-żona, sistema ġdida għall-andament tat-traffiku u żoni pedonali fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan mhuwiex l-unika proġett li qed isir f’Marsaxlokk hekk kif bħalissa għaddejjin diversi proġetti fosthom dak tal-break water tal-Qrejten.
Spjega kif “Jixraq li nintervjenu wkoll f’Marsaxlokk din id-darba fiż-żona pedonali u organizazzjoni tal-parkeġġ u fuq kollox inżommu f’moħħna l-komunità u residenti imma anke n-negozju u s-sajjieda li huma importanti ħafna.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet kif dan ir-raħal pittoresk huwa mfittex minn bosta turisti u għalhekk l-importanza ta’ proġetti bħal dawn.
Qalet li “Marsaxlokk huwa wieħed mill-irħula l-aktar imfittxija mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin iżda mit-Turisti li jiġi jżur il-gżejjer Maltin. Din hija żona li sena li għaddiet kellna aktar minn miljun u tlett mitt elf turist u allura aħna fid-dover bħala gvern illi nagħtu prodott turistiku li huwa aħjar. Esperjenza li tkun għall-aħjar mhux biss għat-turist imma wkoll għall-familji.”
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech tenna kif il-proġett taż-żona tal-Magħluq se jservi ta’ ġid għall-komunità Xlukkajra.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Gino Gauchi u d-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.