Filmat li feġġ fuq il-midja soċjali qabad f’gidba lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif qal li ħallas taxxa żejda fl-2006.
Dan il-filmat, li qajjem rabja kbira fuq il-midja soċjali u li kien rappurtat fuq il-gazzetta Kullħadd, juri lil Bernard Grech ixejjer ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa li kien inħareġ f’ismu lejlet l-elezzjoni tal-2017.
Ċekk ta’ €518 li użah biex jattakka lill-Gvern Laburista fuq ix-xandir nazzjonali.
Grech qal: “Jiena wieħed minn dawk Peppi, li rċivejt ċekk li huwa dovut lili u li nirringrazzjah il-Gvern, però ngħidlu li mhux ser jixtrini, għaliex b’518 minħabba taxxa li ħallast żejda fl-2006.”
Fl-attakk tiegħu Grech ftaħar li dak kien dovut lilu għaliex “ħallas taxxa żejda fl-2006.”
Kien hawnhekk li tqanqlet rabja kbira għal dan il-filmat hekk kif fil-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġie żvelat kif Bernard Grech naqas milli jiddikjara eluf kbar ta’ ewro fi dħul.
Fil-fatt fl-istess kampanja ġie nnutat kif Bernard Grech ħallas kont pendenti ta’ aktar minn €30,000 f’taxxi, imgħaxxijiet u multi dovuti, li kienu jmorru lura sas-snin 90, għax kien se jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan filwaqt li sar magħruf ukoll li sentejn ilu Grech ukoll ġie investigat mid-dipartiment tat-taxxa dwar numru ta’ irregolaritajiet u ġie ordnat iħallas €17,000 f’pendenzi tal-VAT.
Dawn kienu separati mill-kont ta’ €30,000 rrapportati qabel.
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali u li huma qrib ferm il-Kap Bernard Grech qalulna li d-dellijiet ta’ dawn in-nuqqasijiet ma huma qed jgħinu xejn il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-elettorat.
Qalulna wkoll li dan l-aħħar filmat juri n-nuqqas ta’ kalkolu politiku li għandu Grech speċjalment fid-dawl tal-fatt li kien jaf li qed jigdeb meta qal li ħallas taxxa żejda.
Il-miżura taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa, li Bernard Grech użaha biex jattakka l-Gvern kienet attwata minn Gvern Laburista fuq dħul inqas minn €60,000 fis-sena.
Dan għen biex tiġi ppremjata l-bżulija fost 40,000 persuna u li b’hekk kompliet tgħin biex tikber l-ekonomija.