Fil-jum dinji dwar is-saħħa mentali, l-appell tal-awtoritajiet madwar id-dinja kien wieħed. Ejjew ninvestu aktar f’dan l-aktar qasam li jinagħata l-ġenb fis-saħħa pubblika.
Dan qalu ma’ ONE News ukoll il-Kap tal-Psikjatrija tal-isptar Monte Karmeli, Anton Grech, meta spjega li minkejja li huwa tajjeb li l-pandemija tefgħet dawl qawwi fuq dan kollu, wieħed irid jiftakar li dawn huma żewġ oqsma differenti.
“Il-pandemija u s-saħħa mentali mhux l-istess ħaġa. Mhux ngħidu li hawn il-pandemija u nagħtu l-importanza lis-saħħa mentali, u la tgħaddi jkun għadda kollox. Il-WHO filfatt tgħid li la tgħaddi l-pandemija, il-problemi ta’ saħħa mentali se jibqgħu magħna, u anzi se jiżdiedu.”
Magħna qal ukoll li aktar ma jgħaddi żmien, l-istigma kontra dan is-suġġett dejjem qed tonqos.
“Qed joħroġ aktar ċar li għandek problema ta’ saħħa mentali, mhux għax inti dgħajjef jew għax għandek xi ħaġa nieqsa. Il-moħħ huwa parti mill-ġisem, u bħal kull parti tal-ġisem, jista’ jiżgarra xi ftit. Fortunatament, l-istigma qed tonqos u tonqos ħafna.”
Bosta pajjiżi nedew helplines u servizzi b’xejn għal min sofra waħdu tul il-pandemija, iżda l-psikjatra qal li huwa kruċjali mmens li dawn jibqgħu anke la tgħaddi l-pandemija.
Kważi biljun persuna madwar id-dinja għandhom xi kundizzjoni tas-saħħa mentali, bl-għaqda dinjija tas-saħħa tistma wkoll li mal-75% ta’ dawn ma jingħatawx kura xierqa. Għalhekk, l-appell tal-awtoritajiet huwa wieħed.
Tkellem. M’intix waħdek.