73 persuna, li erbatax minnhom huma nisa bdew karriera ta’ uffiċjali korrettivi fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.
Dan wara proċess ta’ reklutaġġ u ġimgħat sħaħ ta’ taħriġ estensiv. B’hekk issa se jitkompla jissaħħaħ ir-riżors uman tal-aġenzija li tmexxi l-faċilità korrettiva f’pajjiżna.
Il-ħtieġa tad-dixxiplina u r-riforma kienu fiċ-ċentru tal-messaġġi li ngħataw lill-uffiċjali korettivi l-ġodda f’ċerimonja tal-okkażjoni fejn dehru kburin lebsin l-uniformi tas-servizz.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, qal li din hija sejħa għal min irid jikkontribwixxi b’mod differenti għal pajjiżu biex jaħdem ħalli s-soċjetà tkun aħjar.
Il-Ministru Camilleri appella lill-uffiċjali ġodda biex ma jidħlux f’dan l-irwol bil-mentalità li jżommu l-ordni fil-ħabs biss, għaliex l-akbar l-kisbiet jaslu meta jedukaw, jikkomunikaw u meta l-priġunier iħalli l-faċilità persuna aħjar.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-Kurunell Alex Dalli, tkellem dwar kif is-soċjetà tistenna dixxiplina u riforma.