Il-ftehim li ġie ffirmat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konżervazzjonijiet, dwar l-art tal-Miżieb ilu fis-seħħ mill-1986 u l-aġġornament tal-kuntratt ma biddel xejn minn dak li kien iseħħ għal dawn l-aħħar snin taħt diversi gvernijiet.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia, li ma’ dan l-istazzjon saħaq li l-aċċess għall-pubbliku kien, għadu u se jibqa’.
“Aġġornajna kuntratt li kien ilu hemm għal 34 sena mhu se jinbidel xejn l-aċċess li kien hemm tal-pubbliku se jibqa’ hemm anzi se jiżdiedu anki xi picnic areas, l-aċċess għall-campers se jibqa’ hemm u japplikaw mal-kunsill biex ikolljom permess, iġifieri ma inbidel assolutament xejn!”
Farrugia qal li dan il-kaos dwar l-art tal-Miżieb inqala’ wara li kunsillier u deputat tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw joħolqu spunt politiku għalxejn.
“Sfortunatament kien hemm min ħa opportunità biex jipprova jieħu spunt politiku minnu għax apparti l-onoervoli Thake li anke ħareġ stqarrija kien hemm qablu wkoll kunssilier tal-PN li ħareġ jgħid ħafna affarijiet u ħoloq dan il-ħafna kaos.”
Lino Farrugia qalilna li sa ftit tas-snin ilu wieħed kien jevita l-inħawi tal-Miżieb u l-Aħrax għaliex kif kien ikun mifqugħ bil-ħmieġ u ħaxix u siġar ħażin, iżda llum il-ġurnata, mindu ħaduh f’idejhom l-FKNK, qed jitgawda minn bosta li jmorru biex jirrilassaw.
“Lanqas kont tidħol bil-ħmieġ li kien hemm u bl-overgrowth ta’ siġar u arbuxelli. Mindu ħadnih aħna naddafna, ħawwilna siġar, żbarna siġar li kien hemm bżonn anke ħloqna dawn il-picnic areas, kulħadd irid jiġi l-miżieb anke fis-Sajf jew inkella l-Aħrax.”
Intant, fi stqarrija l-Gvern Malti fakkar li ftit tax-xhur ilu, daħal fi ftehim ma’ Birdlife Malta biex jamministraw iż-żona pubblika tas-Salini, fejn l-istess għaqda mhux governattiva qed tagħmel xogħol siewi għall-amministrazzjoni ta’ dan is-sit.
L-unika differenza hija li filwaqt li Birdlife Malta qegħdin jingħataw ukoll għajnuna finanzjarja kull sena u numru ta’ impjegati tal-gvern biex jgħinu fl-immanġġjar tas-sit, l-Aħrax u l-Miżieb huma amministrati mill-FKNK bl-ispejjeż kollha f’idejn l-istess amministraturi u mhux il-Gvern.