Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, huwa kompliċi mal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa, fil-ħsara li qed jippruvaw ikomplu jagħmlu lil Malta.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Miriam Dalli u d-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris.
Iż-żewġ kelliema nnutaw li Roberta Metsola u David Casa, kuntenti jaqbżu għal pajjiżi oħra milli jaħdmu favur Malta.
Id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris tkellem dwar meta din il-ġimgħa, Metsola u Casa għażlu li jaqbżu għall-Bulgarija meta vvutaw kontra rapport tal-Parlament Ewropew li jikkundanna l-korruzzjoni fil-Bulgarija.
Saħansitra Metsola ressqet numru ta’ emendi biex ittaffi mill-qawwa tad-diskors użat fir-riżoluzzjoni fil-konfront tal-Bulgarija.
F’dan kollu, id-Deputat Laburista qal li Bernard Grech huwa kompliċi.
“Dak li qed jagħmlu David Casa u Roberta Metsola huwa żgur bil-barka ta’ Bernard Grech għaliex li inti jkollok Kap tal-Oppożizzjoni li jistħi jgħid li huwa Malti, dik tfisser ħafna. Aħna bħala Maltin ma nistħu qatt ngħidu li aħna Maltin però nagħmlu minn kollox biex barra minn xtutna niddefendu isem pajjiżna.”
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, fakkret li l-istess EwroParlamentari Nazzjonalisti ddefendew lill-Ungerija, meta fl-2017, Roberta Metsola vvutat favur riżoluzzjoni biex ma tintbagħatx delegazzjoni fl-Ungerija biex tinvestiga s-sitwazzjoni.
Fl-istess waqt, għamlet minn kollox biex f’Malta nkunu kkundannati.
Miriam Dalli qalet li sfortunatament għal Casa u Metsola, fl-istess ħin li kienu qed jaqbżu għall-Bulgarija u jaħdmu kontra Malta, il-Kummissjoni Venezja rrikonoxxiet il-ħidma li qed issir f’Malta biex jissaħħu l-istituzzjonijiet.
“In-nies jippretendu li jekk verament Roberta Metsola u David Casa jemmnu fid-demokrazija u fir-rule of law, allura juru li jemmnu f’dan fil-konfront tal-pajjiżi kollha. Issa l-maskri waqgħu għaliex jidher bl-aktar mod ċar li Roberta Metsola u David Casa jinteressahom biss li jkunu partiġġjani u jikkritikaw lil pajjiżna sempliċiment għaliex illum il-ġurnata hemm Gvern li ma jappartjanix għall-partit politiku tagħhom.”