B’investiment ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro, fetħet il-bibien tagħha l-ewwel lukanda liċenzjata “5 Star Superior” f’pajjiżna.
Meta l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kienet qed tagħmel l-ispezzjonijiet tagħha, il-lukanda Hyatt Regency issuperat mhux bi ftit il-livell meħtieġ biex topera bħala lukanda ta’ ħames stilel, u għaldaqstant ingħatat ċertifikat biex tibda topera fi klassi ogħla, bħala lukanda ta’ ħames stilel superjuri.
Din il-lukanda f’Baystreet għandha madwar mija u ħamsin kamra, u diġà impjegat aktar minn mitt ħaddiem.
Albert Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Baystreet – li jamministra wkoll lukanda oħra fl-istess kumpless, irrimarka li mill-ftuħ mill-ġdid tal-lukanda mindu tnaqqsu r-restrizzjonijiet, kien hemm okkupanza medja ta’ madwar tmienja u sittin fil-mija, u dan jawgura tajjeb għall-futur tal-lukanda l-ġdida.
“Illum konna onorati bil-preżenza tal-Ministru li tatna ċertifikat tal-ewwel 5 Star Superior Hotel li hija brand li m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni internazzjonali u bħala grupp ninsabu kuntenti wkoll għal il-hotel l-oħra tagħna, il-BE Hotel, ġejna mogħtija ċ-ċertifikat ta’ 4 Star Superior.” 19
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli nnutat li dawn iż-żewġ lukandi dawru l-isfidi tal-COVID-19 f’opportunità, biex itejbu l-prodott li joffru, u jgħollu wkoll il-kwalità. Kwalità li dan il-Gvern tant qed jinvesti fiha bħala parti minn strateġija għal turiżmu sostenibbli.
“L-investituri għarfu li tajjeb li wieħed jinvesti fit-turiżmu u li x-xenarji huma pożittivi biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna.”