Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela inawgura kliniċi ġodda tal-kura tas-saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi.
Għadd ta’ timijiet multidixxiplinarji li jinkludu psikjatri, nurses, psikologi, social workers u occupational therapists bdew joffru s-servizzi tagħhom minn dan iċ-ċentru f’dik li hija waħda mill-bidliet strateġiċi inkluż fl-istrateġija nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa mentali.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li b’din il-bidla l-pazjenti li jieħdu kura għas-saħħa mentali m’għandhomx bżonn bilfors imorru l-Isptar Mater Dei jew l-Isptar San Luqa għas-servizz tal-professjonist iżda jibqgħu fil-komunità stess. Dan peress li għall-ewwel darba wkoll minn dan iċ-ċentru se jingħata servizz minn psikjatri fil-qasam tal-anzjani kif ukoll tad-diżabilità intellettwali.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “F’dawn l-aħħar xhur mindu varajna l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali bdejna proċess biex nagħtu kemm jista’ jkun servizzi fil-komunità biex naqtgħu anqas il-bżonn li wieħed jidħol l-isptar. Dawn il-kliniċi qed ninawgurawhom f’Ħal Qormi u huma eżempju ta’ kif qed naħdmu, viċin il-komunità u b’diversi professjonisti biex intejbu s-servizz anke tal-kura mentali.”
Lydia Abela enfasizzat f’pajjiżna hawn madwar 35,000 persuna li għandha bżonn xi tip ta’ kura għas-saħħa mentali, numru li kiber tul il-pandemija. Appellat ukoll biex jiżdiedu s-servizzi fil-komunità biex kull membru tal-familja, inklużi t-tfal.
Dr. Abela qalet: Imma rridu nħarsu ‘l quddiem biex nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna li n-numru ta’ persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, li kiber waqt li l-pajjiż kien milqut mill-pandemija. Inizjattiva bħal din hija ta’ min ifaħħarha u ta’ min ikompli jinkoraġġiha.”
Ritratti: (DOI/ODPM-MFH)