Illum sar l-iffirmar ta’ żewġ ftehimiet bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-FKNK u l-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali u l-FKNK. Dan wara deċiżjoni kollettiva mill-Kabinett tal-Ministri u l-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi fl-Awtorità tal-Artijiet.
Dawn il-ftehimiet se jintroduċu numru ta’ obbligi għall-immaniġġjar tal-art tal-Miżieb u tal-Aħrax mill-FKNK filwaqt li jippermettu aċċess għall-pubbliku.
Fost l-obbligi introdotti, hemm inklużi l-manutenzjoni, iż-żamma tal-indafa u ż-żamma ġenerali tas-siti, is-saħħa u s-sigurtà fuq is-siti u sinjali ċari. Dan speċjalment għax id-dawra tal-kosta ser tibqa’ fid-dominju pubbliku u s-siti jridu jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku filwaqt li l-partijiet designati għall-kaċċa wkoll iridu jibqgħu aċċessibbli bl-esklużjoni ta’ ħinijiet fissi u mmarkati b’mod ċar waqt l-istaġun tal-kaċċa.
L-FKNK se tkun obbligata wkoll timmarka spazji dedikati bħala picnic areas u siti tal-kampeġġ għall-pubbliku u se jkun qed jingħata aċċess sħiħ lill-uffiċjali tal-konservazzjoni sabiex jiżguraw li tiġi mħarsa l-liġi u ma jsir l-ebda abbuż jew kaċċa illegali, filwaqt li se jinħoloq bord konġunt ta’ moniteraġġ li jinkludi wkoll rappreżentanti tal-kunsill lokali biex ikun żgurat li l-obbligi qed jintlaqgħu b’mod sħiħ.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ iffirmar kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u l-Kostruzzjoni Chris Agius
Ritratti (MTIP/MECP/MGOZ)