Bħalissa l-artist Rupert Cefai għaddej b’xogħol fuq pittura li se tkun qed titpoġġa fid-daħla taċ-Ċentru Nazzjonali fil-Ħamrun.
Din il-pittura hija ispirata mit-tliet temi li kiteb madwar mitt sena ilu, l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u kittieb, Ġuże Ellul Mercer, kif spjega ma’ ONE News l-artist stess.
Cefai stqarr, “Il-pittura torbot ma’ tliet aspetti prinċipali tal-ħajja li huma l-edukazzjoni, ix-xogħol u d-dinja tal-ħajja personali, f’dak kollu li ma nagħmlux li m’għandux x’jaqsam max-xogħol jew mal-edukazzjoni tagħna u l-importanza ta’ dawn l-aspetti fil-ħajja tal-bniedem.”
Waqt żjara fl-istudio tal-artist, mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi u s-Segretarju Organizattiv William Lewis, l-artist spjega l-materjali li se jintużaw.
Hu kompla jgħid, “Parti mix-xogħol artisku ħa jkun involut fih ħafna materjali u ħafna prodotti u biċċiet ta’ prodotti, li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum, affarijiet żgħar min kalzetti ta’ tfal jew pitazz jew ktieb jew folji ta’ ktieb jew biċċiet ta’ boilersuit, biċċiet ta’ prodotti u materjali użati li għandhom storja anonima u storja li forsi ħadd ma jaf biha.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi qal kif din il-pittura għandha sinjifikat importanti.
“Din se tkun biċċa arti verament interessanti ilhi tilqak kif tidħol fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u aktar milli s-sabiħ tagħha, hemm messaġġ politiku u soċjali illi twassal din il-biċċa arti kif ukoll minfejn oriġinat mill-kliem sabiħ u meqjus ta’ Ġuże’ Ellul Mercer.” Temm jgħid Azzopardi.