Nhar is-Sibt li ġej, barra l-MFCC ta’ Ta’ Qali se jkun hemm kunċert minn Orkestra live bla ħlas fejn l-udjenza ser tattendi u tgawdi minn dan l-ispettaklu mill-vetturi tagħhom.
Dan il-kunċert interattiv bl-isem ta’ PARK n JOY għandu l-barka tal-awtoritajiet tas-saħħa, hekk kif se jkun qed isegwi l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni u se tgawdih mill-karozza tiegħek.
Il-kunċert se jkun jinkludi numru ta’ artisti.
ONE News żar il-post waqt il-provi u tkellem mad-direttur artistiku ta’ dan il-kunċert Anton Farrugia.
Huwa spjega kif dan il-kunċert se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, fiċ-ċirkostanzi li ngħixu fihom illum kawża tal-imxija.
Farrugia qal, “Din hija mużika kollha retro. Sixties u seventies. Għandek orkestra sħiħa live. Għandek il-percutions, għandek il-brass, il brass house unit. U l-interattivita tagħha din li se jkun hemm sabiħ. L-artisti ssoltu jgħidu in-nisa jew l-irġiel jgħajtu. Did darba se nużaw il-karozzi. Id-dwal tal-Karozzi, il-ħornijiet.”
ONE News tkellem ukoll ma’ Caroline Agius minn Festivals Malta li spjegat kif dan l-avveniment tat-tip drive-in mistenni jitgawda minn madwar mitt karozza differenti.
Agius spjegat, “Nhar is-Sibt li ġej għandna żewġ performances waħda fit-tmienja u nofs u l-oħra fl-għaxra u nofs. Se jkun qed isir l-MFCC ta Qali, in-nies iridu jibbukjaw il-post tagħhom fuq is sit tagħna www.festivals.mt.”