Fuq il-programm Xarabank li xxandar b’mod online l-Erbgħa filgħodu, f’kollegament telefoniku Doriana Portelli saħqet li lil Adrian Delia ġie umiljat u attakkata anki d-dinjità tiegħu.
Hija qalet: “Jiena qatt ma nista’ nippermetti li Kap ta’ Partit jiġi umiljat b’dak il-mod b’elezzjoni. Sewwa? Li assolutament ma kienx hemm bżonnha. Tliet snin ta’ attakki kontinwi saħansitra anke kontra d-dinjità tiegħu. Dawn ma jistgħu qatt jissarrfu b’elezzjoni. Jitla’ xi ħadd ieħor u barra mid-daqq. Bilfors ser ikun hemm il-konsegwenzi, bilfors ser ikun hemm in-nies imweġġa’. Għidli inti kif nista’ inkompli naħdem jien ma’ nies li bl-eżempju u kliemhom, flok għaqda kienu jippriedkaw il-mibegħda.”
Għal dan, Adrian Delia, li kien il-mistieden fil-programm, intervjena u fakkar fil-kliem tal-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Andrew Borg Cardona.
Delia stqarr: “Mhux faċli li inti taħdem ma’ min jaqsam in-nies u jgħid li hemm Nazzjonalisti nies tat-tielet klassi. X’jiġifieri tat-tielet klassi? Min għamilhom il-klassijiet? Min huma dawn in-nies illi jippretendu illi huma aħjar minn umani oħrajn.”
Intant Doriana Portelli stqarret kif Bernard Grech għadu lanqas prova jikkomunika magħha wara li hija rriżenjat mill-Partit Nazzjonalista.
Hija qalet: “Bernard Grech għadu lanqas għamel komunikazzjoni miegħi s’issa.”
Doriana Portelli spjegat minn xiex għaddiet fil-ħidma tagħha fil-Partit Nazzjonalista: “Fil-każ tiegħi sa theddid fuq ħajti rċivejt jiena, imbagħad jgħidulek opportunistà. Jew Doriana bil-fors kellha xi aġenda. Nixtieq inkun naf x’aġenda hi.”
Hawnhekk Adrian Delia, evidentament imweġġa’ bl-aġir tal-establishment Nazzjonalista kontra tiegħu, stqarr li ħadd ma ħaqqu li wara li jkun ta kollox għall-Partit, jintrema’.
Delia sostna: “Ħadd mhu tenut li minkejja li jagħti kollox jarmuh. Li minkejja li jagħmel minn kollox jiddegraduhom.”
Saħansitra Doriana Portelli stqarret li lil Adrian Delia, dawk ta’ kontrih fil-partit stess għamlulu bħal Kristu: “Ta’ raġel li għamlulu litteralment bħal Kristu, u fi tliet sekondi rnexxielu jagħmel dak li ħaddieħor ma kienx kapaċi jagħmel fi tliet snin.”
Portelli għaddiet messaġġ ukoll lid-deputati ribelli li kienu sfiduċjaw lil Delia: “Ara min wiegħdu lealtà assoluta minn dawk is-sbatax-il deputat.”
F’kuntest ta’ firda li fil-Partit Nazzjonalista tidher li se tibqa’ anki wara l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap, wara l-istqarrijiet skjetti ta’ Doriana Portelli, Adrian Delia temm jirringrazzjaha tal-appoġġ.
Delia qal: “L-ewwel nies grazzi Doriana, l-ewwel nies tal-messaġġi li bgħatitli u li skambjajt, tal-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet li dejjem tatni jiġifieri.”