Fil-palazz ta’ Sant’Anton, Bernard Grech ħa l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni wara li fil-jum tat-Tlieta huwa sar membru parlamentari u ħa s-siġġu ta’ Ivan Bartolo.
Wara l-ġurament mogħti mill-President ta’ Malta George Vella, Bernard Grech kien affaċċjat mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li kienu barra l-palazz.
Madankollu, huwa għoġbu jwieġeb mistoqsija mill-kmamar tal-aħbarijiet kollha ħlief dik tal-ġurnalist ta’ ONE NEWS. Dan hekk kif sa mill-bidu, Bernard Grech evita l-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ ONE NEWS u saħansitra baqa’ jdur fuq ġurnalisti oħrajn meta l-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon kien diġà għamel il-mistoqsija.
Dan hekk kif prova jsaqsih dwar jekk jikkundannax lid-Deputat Jason Azzopardi wara li l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ripetutament qal li Azzopardi qiegħed jigdeb.
Kif jixhdu l-filmati Bernard Grech baqa’ jevita lill-ġurnalist tant li hekk kif kien għad fadal il-ġurnalist ta’ ONE News biss biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu huwa rringrazzja lill-ġurnalisti l-oħra u lebbet ‘l hemm.
Intant lill-ġurnalisti l-oħra, fid-dawl tal-għadd ta’ riżenji li sofra l-Partit Nazzjonalista wara mindu laħaq hu Kap tal-Partit, huwa qal li mindu daħal hu fit-tmexxija kien hemm mitt tesserat.
Grech stqarr: “Nagħti l-messaġġ pożittiv li kien hemm ‘il fuq minn mitt tessera ġdida min-nhar il-Ħadd sal-lum.”
Waqt it-tweġiba li ta lill-ġurnalista tal-midja tiegħu huwa stqarr li bil-ħidma tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni irid li jsir kburi li hu Malti.
Huwa qal: “Li iva nerġgħu nkunu kollha kburin li aħna Maltin.”
Fil-jiem li għaddew ħarġet dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech jisħaq li jistħi jgħid li huwa Malti u għalhekk meta jsiefer jgħid li huwa Grieg.
Grech kien qal: “U ma nibżgħux inkunu msefrin, li sfortunatament sirt niddejjaq nagħmel jien u ngħidilhom jien minn Malta. Onestament Amy sirt inkun imsiefer, u peress li jien kunjomi Grech, meta jistaqsuni minn fejn inti, ngħidilhom li jien mill-Greċja, allura faċli nitwemmen. Mhux ċajta għax nistħi ngħidilhom li jien Malti.”