F’laqgħa virtwali tal-ECOFIN il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta tilqa’ l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Presidenza għal aktar armonizzazzjoni fir-rigward tal-finanzi diġitali, u b’hekk qed tiġi indirizzata l-frammentazzjoni li teżisti fis-Suq Uniku Diġitali għas-Servizzi Finanzjarji.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji ntqal li matul il-laqgħa, il-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea ddiskutew il-Pakkett Finanzjarju Diġitali varat reċentement mill-Kummissjoni Ewropea. Matul id-diskussjoni, il-Prof. Scicluna laqa’ l-passi li qed jittieħdu biex ikun hemm aktar armonizzazzjoni fir-rigward tal-finanzi diġitali.
Huwa saħaq dwar l-importanza ta’ approċċ koordinat f’dan ir-rigward. Irrimarka li fir-rigward tal-istablecoins u crypto-assets oħrajn, li issa ilhom fiċ-ċirkolazzjoni għal xi żmien, jippreżentaw riskji sinifikanti, liema riskji jridu jiġu kontrollati b’regolamentazzjoni adekwata.
Il-Ministru Scicluna tenna li din l-inizjattiva hija t-triq fid-direzzjoni t-tajba li timxi pass pass max-xejriet u mal-iżvilupp rapidu li qed ikun hemm fil-qasam tat-teknoloġija fit-trasformazzjoni diġitali.
Ritratt: (MFIN)