Fl-ewwel sessjoni plenarja tal-Parlament Malti wara l-btajjel tas-sajf fi Stqarrija Ministerjali, il-Prim Ministru Robert Abela ta aġġornament dwar dak diskuss fis-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew li kellu fi Brussell il-ġimgħa l-oħra.
Stqarr li dwar l-Covid-19 ġiet diskuss il-bżonn li jkunu kordinati l-isforzi tal-pajjiżi sabiex jinstab vaċċin. Spjega kif diġà hemm kuntratt ma’ żewġ kumpaniji li jiżgura li l-Ewropa ikollha ammont ta’ dożi, tliet mitt miljun doża b’kollox. Spjega kif Franza u l-Belġju naqqsu l-kwarantina għal sebat ijiem hekk kif studju qed isib li wara ħames t’ijiem tonqos ir-rata ta’ infezzjoni tal-virus drastikament. B’hekk pajjiżna ser jingħata minnufih tliet mija u tletin elf vaċċin biex imbagħad gradwalment ikollna vaċċin għall-popolazzjoni kollha.
Spjega kif ġie diskuss is-suq waħdieni. Stqarr li l-messaġġ li għadda kien wieħed favur bilanċ u l-bżonn ta’ investiment fis-suq waħdieni għal awtonomija tal-Unjoni Ewropea.
Qal li kien hemm qbil dwar investimenti li jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi sabiex jgħinu fis-sostennibbiltà u l-ekonomija l-ħadra. Qal li bħala pajjiż ser ninvestu parti sostanzajli mill-pakkett negozjat f’Lulju ta’ din is-sena sabiex jintefqu f’dan is-settur.
Meta kien mistoqsi fil-Parlament huwa stqarr li l-Gvern ma ffirma l-ebda ftehim dwar il-forzi militari magħruf bħala SOFA. Ċaħad li kien hemm xi relazzjoni bejn ir-rapport tal-Moneyval u t-trattatvi mal-Gvern Amerikan.
Innota kif element ewlieni li ssemmi l-Money Val hija l-fatt li l-Kummissarju tat-Taxxi interni daħal fi prassi li flok iressaq dawk li ma jħallsux it-taxxa fi proċeduri kriminali, minflok jidħol fi ftehim magħhom. Huwa innota li din kienet l-istess prassi li bbenefikaw minnha Adrian Delia u Bernard Grech.
Il-Prim Ministru stqarr: “Kummissarju tat-taxxi, daħal fi prassi li flok iressaq it-tax defaulters bi proċeduri bil-pulizija, bi proċeduri kriminali l-Qorti, jidħol minflok f’’settlement’ agreement magħhom. Dan huwa, dan in-nuqqas li jiddentifika l-money val report, huwa preċiżament li jagħmel il-kap tal-oppożizzjoni uxxenti, Dr. Adrian Delia u l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid Bernard Grech. Jiġifieri wieħed min-nuqqasijiet ewlenin li jissenjala l-Moneyval kienet propju din il-prattika li bbenefikaw minnha kemm il-kap tal-oppożizzjoni tal-lum u kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni li dieħel.”
Fl-istqarrija ministerjali il-Prim Ministru qal li l-Gvern kellu pożizzjoni li tisħaq dwar l-importanza ta’ djalogu imma mhux sanzjonijiet u kastigi ta’ pajjiżi terzi. B’hekk ser tkun qed issir konferenza dwar il-Lvant tal-Mediterran fejn ikunu diskussi l-kummerċ, l-enerġija u l-immigrazzjoni fost l-oħrajn.
F’isem pajjiżna huwa saħaq dwar l-importanza li jsiru diskussjonijiet mal-Libja, l-Alġerija u t-Tuneżija fost l-oħrajn. Stqarr li permezz tad-djalogu biss ikun jista’ jinkiseb l-appoġġ tagħhom biex nindirizzaw kwistjonijiet bħalma huma r-ritorn ta’ persuni li ma jikkwalifikawx għall-ażil.
Il-Prim Ministru sostna: “Hawn ta’ min ifakkar li ħafna minn dawn huma pajjiżi li ma joriġinawx minnhom influssi immigratorji imma fihom hemm traffikanti tal-bnedmin. Allura jeħtieġ li nikkoperaw magħhom sabiex isalvaw il-ħajjiet billi jipprevjenu li dawn il-gruppi kriminali jkomplu jisfruttaw l-immigranti.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar laqgħa li kellu ma’ Michel Barnier li huwa n-negozjant ewlieni tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati mar-Renju Unit.
Spjega kif kellu laqgħa wkoll mal-Kummissarju għall-ugwaljanza Helena Dalli fejn spjegat ix-xogħol kbir li qed tagħmel kontra r-razziżmu.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/05/il-gvern-se-jressaq-il-budget-nhar-it-tnejn-19-tottubru/