Tlett irġiel ġew ikkundannati tnejn u għoxrin sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li lagħbuha ta’ pustiera u daħlu fuq mara f’darha u werwruha, qabel ma ħarbu bi flusha u l-ġojjelli tagħha.
Patrick Mangion, Ryan Briffa u Mark Anthony Cardona ġew akkużati li serqu mal-ħamest elef u erba’ mitt ewro, fosthom flus li kienu ġew imwarrba għal irħam ta’ qabar. Insterqu wkoll għadd ta’ ġojjelli, foshom disa’ pari imsielet, barbazzal, brazuletta, ħames ġiżirajjen, lira tad-deheb, sittax-il ċurkett, u ħames liri tad-deheb.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qieset kif wara s-serqa li seħħet f’Jannar tas-sena l-oħra, il-mara baqgħet trawmatizzata b’diżabbiltà ta’ għaxra fil-mija u ddeskriviet ir-reat bħala wieħed kiefer u bla qalb.
Patrick Mangion ġie kkundannat seba’ snin u nofs ħabs u kien ordnat iħallas elf sitt mija u tmienja u tmenin ewo fi spejjeż u elf u tmien mitt ewro lill-vittma bħala terz tal-flejjes misruqa.
F’sentenza separata, Ryan Briffa ġie kkundannat seba’ snin u nofs ħabs oħra, filwaqt li Mark Anthony Cardona ġie kkundannat seba’ snin ħabs. Dawn it-tnejn ukoll kienu ordnati jħallsu l-ispejjeż u t-terz tagħhom tal-flejjes misruqa.