Diversi kumpaniji privati u entitajiet tal-Gvern adottaw sistema ta’ ħidma mid-dar xi ftit jiem fil-ġimgħa, u hemm diskussjoni miftuħa dwar kif din is-sistema tista’ tinfirex iżjed.
Dan kien is-suġġett ta’ diskussjoni li l-Awtorità Maltija għal-Logħob, l-MGA, mexxiet mal-Ministru responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.
Bosta ħaddiema li kkontribwixxew għad-diskussjoni b’mod virtwali stqarrew li l-ħidma mhux mill-uffiċċju ma xekklet xejn mill-produttività ta’ kull dipartiment rispettiv, jew mis-servizz li l-Awtorità tagħti lill-entitajiet u individwi.
Hawnhekk il-Ministru Abela semma kif l-għan tal-Gvern hu li dan il-kunċett ma jkunx biss marbut mal-pandemija u kif qed imexxi diskussjonijiet ukoll fuq il-kunċett ta’ xogħol mill-bogħod, jiġifieri li wieħed jaħdem ‘il bogħod mid-dar jew saħansitra ‘l bogħod minn pajjiżu stess. “Meta wieħed jara l-benefiċċji kemm għal min iħaddem u anke għall-ħaddiema, għandha tiġi naturali li naqblu fuq it-triq il-quddiem. Bdejna naħdmu fuq qafas leġiżlattiv biex jirregola b’mod ġenerali dan kollu, imma għandek il-unjins u min iħaddem li jidħol f’diskussjonijiet anke meta jkollok ftehimiet kollettivi. Dawn ikunu parti mid-diskussjonijiet li jsiru fl-interess ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li jirrappreżentaw”, spjega l-Minsitru Abela.
Il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol għandha tkun appoġġjata b’riżorsi tal-ogħla kwalità lil kull kumpanija u entità tal-gvern li se tadotta din is-sistema.
Għal dan il-għan, spjegalna s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo, il-Gvern se jkompli jinvesti fil-viżjoni tiegħu għal Malta Diġitali. Bartolo temm jgħidilna li “l-gvern diġà ħareġ skema biex jgin kumpaniji jinvestu biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod remot u jsaħħu t-teleworking tagħhom. Il-gvern irid ikun ta’ eżempju, bħal ma hija l-MGA għall-kumpaniji privati u entitajiet oħra tal-gvern biex jaħdmu b’mod remot. Rajna wkoll li f’ċertu istanzi, il-produttività tjiebet”.