Illum mistenni jitlaqqa’ mill-ġdid il-Parlament ta’ Malta wara l-btajjel tas-sajf. Dan wara li tlaqqa’ għall-aħħar darba qabel il-btajjel tas-sajf fid-29 ta’ Lulju. F’din l-aħħar seduta plenarja, il-Parlament kien għadda sitt liġijiet li ressaq il-Gvern bħala parti mir-riformi fil-ġudikatura, it-tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Il-liġijiet li biex jgħaddu kellhom bżonn il-qbil ta’ żewġ terzi tal-kamra huma dwar il-ħatra tal-President tar-Repubblika, il-ħatra tal-ġudikanti, dixxiplina u t-tneħħija tal-ġudikanti, tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman u skrutinju fuq id-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Liġi oħra li kellha bżonn maġġoranza sempliċi biex tgħaddi kienet dik dwar il-ħolqien tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Hekk kif illum jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Ivan J. Bartolo mistenni jċedi postu fil-Parlament sabiex dan jingħata lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech. B’hekk il-Parlament mistenni jara Kap tal-Oppożizzjoni ġdid, li se jkun it-tielet wieħed f’din il-leġislatura. Dan filwaqt li l-Gvern mistenni jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex fi ftit tal-ġimgħat oħra jippreżenta l-budget għas-sena d-dieħla. Dan il-Budget, li kif qal il-Prim Ministru Robert Abela ser ikun wieħed tajjeb ħafna u li ma jitfax piżijiet fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.