F’sena fejn l-industrija tat-Turiżmu madwar id-dinja sofriet telf sostanzjali kawża tal-pandemija, l-Istitut għall-Istudji Turistici f’Malta xorta laqa’ numru rekord ta’ studenti li jaqbeż l-ammont tas-sena ta’ qabel bi 22%.
Wara li f’Marzu li għadda t-tagħlim kollu tal-istudenti sar b’mod virtwali, u sessjonijiet prattiċi saru wkoll fil-bidu ta’ Settembru, il-kampus tal-istitut f’Ħal Luqa ħa l-ħajja mill-ġdid bil-miżuri kollha marbuta mas-saħħa pubblika, imposti.
Christopher Mercieca, il-President tal-Kunsill tal-istudenti, qasam magħna x’ħass meta kmieni t-Tnejn filgħodu reġa’ ra l-istitut jopera kif jixraqlu. Magħna qasam l-apprezzament tiegħu li l-istudenti sabu “mezz li nkomplu xorta. Ħafna qed isegwu l-lezzjonijiet b’mod virtwali u ftit għażlu li jiġu hawn b’mod ikkontrollat jien ħadd gost kif ġejt dalgħodu rajt daqshekk ħajja fuq il-kampus.”
Spjega wkoll li kull min qed jaspira għal karriera fit-turiżmu issa qed jagħraf il-potenzjal tal-korsijiet li joffri l-istitut, tant li mal-40% tal-istudenti attwali qed isegwu korsijiet f’livelli ta’ Baċċellerat u Maġisteru.
Mercieca spjegalna kif korsijiet bħal Baċċellerat fl-Immaniġġjar, li jiffoka fuq it-turiżmu, “jagħti l-ħiliet li se jgħinuk, tagħmel x’tagħmel f’ħajtek. Ħafna nies qed jaraw dan l-Istitut bħala post fejn jistgħu jieħdu dan it-tagħlim li jservi għal kwalunwke tip ta’ xogħol wara”.
Iċ-Chairman tal-ITS, Carlo Micallef, qal li din is-sena kienet mimlija sfidi, iżda kien ukoll żmien fejn l-Istitut beda b’metodi ġodda ta’ tagħlim, u li dan hu żgur tagħlim siewi għall-ħajja. Dan kien sentiment li qasmu magħna wkoll il-Kap Eżekuttiv, Pierre Fenech.
Huwa qal li “in-nies għadha temmen f’din l-industrija, u aħna nemmnu wkoll. L-industrija għaddiet minn ħafna mumenti diffiċli imma konvint li għad jiġi żmien fejn l-industrija terġa’ tkun b’saħħitha, jekk mhux akar b’saħħitha minn qabel”.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lill-istudenti u l-ħaddiema tal-impenn tagħhom lejn l-istitut, u fakkret li issa l-politika tal-Gvern se tiffoka fuq turiżmu ta’ kwalità. Temmet tispjeg kif “il-politika l-ġdida tal-Gvern trid tħares mhux biss lejn numri, imma b’mod partikolari lejn kwalità. Biex ikollna kwalità fit-turiżmu, irid ikollna korsijiet varjati u studenti li jeċċellaw u jagħtu servizz uniku lit-turist li jiġi jżurna.”