Sirjan ġie arrestat b’rabta ma’ argument li seħħ għall-ħabta tad-8:45 tal-Ħadd filgħaxija fi Triq Ħaż-Żabbar fil-Fgura u li fih Sirjan ieħor ta’ 24 sena ndarab b’mod serju.
Fi stqarrija li ħarġet dalgħodu l-Pulizija qalet li hija marret immedjatament fil-post malli ġiet infurmata minn xi persuni li fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Pulizija tal-Fgura kienu raw argument bejn xi persuni u li kien hemm id-demm mal-art.
Ftit tal-ħin wara, membri tal-Pulizija ġew infurmati wkoll li f’Mater Dei kien għadu kif daħal persuna li kien involut f’argument fejn intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru rriżulta li r-raġel allegatament sofra xi ġrieħi waqt argument ma’ persuna li ħarbet minn fuq il-post.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei minn xi qraba għall-aktar kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Maġġuri.