Tul l-2019, id-Direttorat għas-Servizzi Laboratorji, fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, wettaq mal-50,000 test fuq materjal ta’ kostruzzjoni fosthom analiżi fuq il-kwalità tat-toroq ġodda u binjiet tal-housing soċjali.
Dan huwa kważi d-doppju tat-testijiet li saru tul l-2018.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fil-laboratorji li l-MCCAA għandha fil-Mosta, fejn irrimarkat ukoll li d-Direttorat għas-Servizzi Laboratorji se jkompli jtejjeb is-servizzi tiegħu fejn jirrigwarda ttestjar ta’ materjal ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet: “Prattikament rajna l-ħidma fost l-oħrajn li ssir fit-toroq u xogħol li qed isir anke f’housing soċjali bħalissa. Is-sena l-oħra biss saru mal-50,000 test differenti.”
Id-Direttur tal-Laboratorju Mario Mifsud semma wkoll li l-laboratorju qiegħed ukoll jikkollabora mad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Università ta’ Bari dwar l-ispezzjonijiet ta’ makkinarju u pompi tal-bexx li jintużaw mill-bdiewa Maltin. Iżda l-ħidma ma tiqafx hemm.
Mifsud spjega: “Isiru kwantità kbira ta’ testijiet, mad-Dwana u l-Pulizija. In-numru ta’ ħaddiema huwa 14, u bħala grupp, huwa laboratorju integrat ħafna.”
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġinier Helga Pizzuto, spjegat kif dan il-laboratorju jwettaq testijiet fuq materjal tal-kostruzzjoni, fuq drappijiet u fuq gassijiet mediċi li jingħataw fl-isptarijiet għall-kura fost oħrajn. Xi ħaġa li spjega wkoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.
Huwa stqarr: “Niggarantixxu li l-pazjenti tagħna, waqt il-Covid u waqt kull proċedura li ssir fl-isptar, niggarantixxu li jirċievu l-aqwa kura.”