Fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis nhar l-10 ta’ Ottubru li ġej, is-Soċjetà tal-MUSEUM permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, għadha kemm ippubblikat il-ktieb ta’ Robert Aloisio Għaxra Żgħar imma Kbar.
Dan il-ktieb jittratta l-ħajja ta’ għaxar żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, wieħed minnhom Malti, li taw xhieda bi kliemhom u b’għemilhom tal-fidi tagħhom fi Kristu.
“In-nies kollha jitwieldu oriġinali imma ħafna jmutu qishom photocopies.” Dan il-kliem ma qalux xi filosofu jew studjuż magħruf ta’ żmienna. Imma qalu Carlo Acutis.
Minbarra Carlo Acutis, fil-ktieb hemm tliet żgħażagħ oħra li l-qdusija tagħhom ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja: Chiara Badano, tfajla ta’ 19-il sena li kienet membru attiva tal-Fokolarini u ġiet iddikjarata Beata fl-2010; Nunzio Sulprizio, it-tifel qaddis ta’ Napli li miet fl-1836 u ġie ddikjarat qaddis fl-2018; u Josè Sanchez del Rio, il-Martri tal-Messiku li nqatel minn uffiċjali ta’ gvern tal-mażuni u ateji fl-1928 u ġie ddikjarat qaddis fl-2016.
Imbagħad Aloisio kiteb ukoll fuq sitt żgħażagħ oħrajn li għadhom ma ġewx iddikjarati qaddisin jew Beati: Janis Babson, it-Tifla Kanadiża li Tat Għajnejha; Bernard Lehner, it-Tifel Ġermaniż ta’ Żmien il-Gwerra; Michele Magone, il-“Ġeneral” żagħżugħ dixxiplu ta’ Don Bosco; Mariah Manisha, il-“Maria Goretti” tal-Pakistan; Iqbal Masih, in-Nissieġ tat-Twapet; u Gilbert Simiana, iż-żagħżugħ qaddis Malti.
Dan il-ktieb ġdid huwa ringrazzjament modest lil dawn ħutna żgħar, li huma għaxar żgħażagħ minn pajjiżi u kulturi diversi.
Il-ktieb Għaxra Żgħar Imma Kbar qiegħed jinbiegħ minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca, il-Marsa – maġenb il-Kappella tal-Museum) għall-prezz ta’ €8.
Min ikun irid li tintbagħtlu kopja d-dar bil-posta għandu jċempel 2122 2626 jew jidħol fil-Facebook page ta’ Librerija Preca u jordna l-ktieb minn hemm.