Raġel ta’ 27 sena minn Ta’ Xbiex ġie arrestat wara erba’ serqiet, li tlieta minnhom seħħew fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’San Ġiljan.
Għall-ħabta tal-għaxra ta’ bil-lejl, żewġ persuni rrappurtaw fl-Għassa ta’ San Ġiljan li waqt li kienu fi Triq Dragunara avviċinahom raġel, allegatament b’sikkina fuqu, serqilhom ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post. Ħadd minnhom ma ndarab.
Aktar minn siegħa wara, raġel ieħor irraporta fl-Għassa ta’ San Ġiljan li kien għadu kif ġie aggredit minn raġel fi Triq Spinola stess, li allegatament kellu sikkina u talbu għall-flus. Il-vittma ta’ 29 sena mill-Imġarr sofra ġrieħi f’idu bis-sikkina u ttieħed f’ċentru tas-saħħa għall-kura meħtieġa.
Għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu, raġel ieħor irrapporta li nsteraq minn persuna allegatament armata b’sikkina. Huwa ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Il-vittmi taw l-istess deskrizzjoni tal-aggressur, u l-Pulizija mill-għassa ta’ San Ġiljan, flimkien mal-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tar-Rapid Intervention Unit bdew it-tfittxijiet għal din il-persuna. Ir-raġel eventwalment instab f’daru f’San Ġiljan stess u ġie arrestat fuq il-post.
Waqt tfittxija li saret fid-dar tiegħu nstabet is-sikkina li allegatament intużat f’dawn is-serqiet, ħwejjeġ li deher liebes fil-filmati tas-sigurtà u oġġetti oħra relatati mas-serqa.
Huwa ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.
Waqt dawn l-investigazzjonijiet, irriżulta li l-ħalliel allegatament wettaq serqa oħra l-Erbgħa li għadda f’Ta’ Xbiex. Din seħħet għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ bil-lejl, meta aggredixxa koppja Ingliża u serqilhom xi flus li kellhom fuqhom.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, u r-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.