Il-Ministru Edward Scicluna kien wieħed mill-kelliema ewlieni fil-laqgħa straordinarja tal-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri ż-Żgħar tal-Commonwealth li trattat il-pandemija COVID-19, u li saret b’mod virtwali.
Din il-laqgħa laqqgħet flimkien ministri għall-finanzi minn stati żgħar u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, fosthom il-World Bank Group u l-IMF.
Il-laqgħa kienet indirizzata minn Patricia Scotland, Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Dr. Manuela Ferro, Viċi President tal-World Bank Group u Dr Alejandro Werver mill-IMF.
Il-Ministru Edward Scicluna tkellem dwar kwistjonijiet li huma kritiċi u jolqtu b’mod speċjali lill-istati ż-żgħar.
Il-Ministru Scicluna semma wkoll l-eżiti pożittivi li esperjenzat Malta fl-aħħar snin, fir-rigward tad-dejn nazzjonali. Huwa stqarr li għal ħamsa u tletin sena, Malta kienet kostretta li tissodisfa n-nefqa tal-budget ta’ kull sena billi tirrikorri għal self. Dan ikkontribwixxa għal piż ta’ dejn li jaqbeż fuq is-70% tal-prodott domestiku gross. Il-Prof. Scicluna sostna li dan kien ix-xenarju ta’ Malta sa seba’ snin ilu.
Huwa qal li matul l-aħħar tliet snin Malta bidlet id-defiċit f’bilanċ u d-dejn nazzjonali niżel għal 43% permezz ta’ żieda fit-tkabbir ekonomiku u b’diversi riformi ekonomiċi.
Il-Ministru Scicluna kkonkluda li din il-pandemija fl-aħħar mill-aħħar hija kriżi ta’ perjodu pjuttost qasir, u dawk il-pajjiżi li għandhom spazju fiskali, jistgħu jaffordjaw li jaraw id-dejn tagħhom jiżdied sabiex jgħinu lill-familji u lin-negozji. Saħaq li dan mhuwiex iż-żmien li ma nonfqux fejn hemm il-ħtieġa.
Matul il-laqgħa, il-Ministri għall-finanzi flimkien ma’ xi Prim Ministri, iddiskutew il-ħtieġa ta’ ħelsien mid-dejn u aċċess aħjar għall-finanzi li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-effetti li qed tħalli l-pandemija COVID-19.
Ritratti (MFIN)