Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg ta dettalji tal-konferenza annwali tal-avjazzjoni f’Malta, MACE. Dis-sena, t-tema ta’ din il-konferenza se tiffoka fuq avjazzjoni sostenibbli sabiex tħares l-iżvilupp ta’ dan is-settur.
Il-Ministru Ian Borg sostna li dan is-settur tant kruċjali sofra sfidi bla preċedent iżda xorta baqa’ jopera biex jgħin fil-konfront tar-ripatrijazzjoni. Saħaq ukoll li issa wasal iż-żmien biex din id-determinazzjoni titpatta lura.
“Din il-konferenza se tkompli tesponi b’mod posittiv, is-settur tal-avjazzjoni illli huwa settur importanti ħafna f’pajjiżna, settur illi jħaddem ħafna nies. Forsi uħud jaħsbu li l-avjazzjoni huwa biss meta wieħed isiefer. L-avjazzjoni huwa mod ta’ kif inkomplu nżommu lil pajjiżna, li huwa gżira, konness mal-oħrajn.” Stqarr il-Ministru Borg.
Din se tkun it-tieni konferenza ta’ MACE, fejn se toffri pjattaforma virtwali għall-partijiet kollha involuti ta’ dan is-settur u mistennija tagħti tifsira ġdida għal ‘sostennibiltà’.
F’kummenti ma’ ONE News, il-ko-fundatur tal-MACE spjega l-importanza tal-avjazzjoni sostenibbli.
Stanley Bugeja, il-konfundatur tal-MACE stqarr, “Tfisser ukoll speċjalment kif qed naraw dan iż-żmienijiet, airlines jieqfu, ajruporti jagħlqu, tfisser ukoll avjazzjoni li hija preparata għal diffikultajiet biex tirbaħ dawn id-diffikultajiet .”
Il-Konferenza se ssir mit-tmintax sal-għoxrin ta’ Novembru u min hu nteressat biex jieħu sehem mistieden jirreġistra qabel il-wieħed u tletin t’Ottubru fuq is-sit uffiċjali tal-MACE.