Bdiet uffiċjalment is-sena ta’ ħidma tal-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta. Bidu li din is-sena ma setax jiġi ċċelebrat bl-istess mod b’diskorsi formali f’awla tal-Qorti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Madankollu, kif stqarr fil-messaġġ tiegħu l-Prim Imħallef Mark Chetcuti, xorta waħda ħass il-bżonn li dan il-jum ikun iċċelebrat b’quddiesa fil-kon-katidral ta’ San Ġwann.
Fil-quddiesa, li għaliha kien hemm preżenti il-President ta’ Malta, Dr. George Vella, bosta avukati, membri tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-Qrati u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-funzjoni importanti tal-ġudikatura biex iżżomm il-ġustizzja li tirrenja fis-soċjetà. Innota kif il-kuraġġ huwa don importanti fil-membri tal-ġudikatura. Dan filwaqt li l-ġudikatura għandha tkun bilanċjata fil-mod ta’ kif tinterpreta l-liġi.
L-Arċisqof qal: “Meta inti tieqaf fuq l-ittri tal-liġi u tapplikaha mingħajr ma tirraġuna, mingħajr epikea, mingħajr prudenza, mingħajr qalb, minflok il-ġustizzja tkun qed tagħmel inġustizzja u hekk ukoll l-estrem l-ieħor ta’ laxkezza.”
Fil-messaġġ tiegħu f’din l-okkażjoni għall-ftuħ tas-sena forensi, l-Prim Imħallef Mark Chetcuti li ilu biss ftit xhur fil-kariga, stqarr li minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja u li fiha r-ritmu tax-xogħol kellu jżomm il-pass mal-esiġenzi tas-saħħa, illum ma jinsabx f’pożizzjoni li jista’ jgħaddi ġudizzju dwar in-nuqasijiet li hemm fis-sistema ġudizjarja ta’ pajjiżna.
Madankollu innota kif f’dawn il-jiem sab lill-ġudikanti Maltin u l-amministrazzjoni tal-Qorti, lesti sabiex ikomplu jaħdmu b’ħilithom kollha anke f’dan iż-żmien. Dan filwaqt li nnota kif il-Kamra tal-Avukati wkoll ħadmet sabiex il-magna ġudizzjarja ma’ twaqqafx mir-ritmu tagħha. Il-Prim Imħallef wera wkoll ix-xewqa tiegħu li l-Gvern flimkien mal-Università ta’ Malta jikkunsidraw li jirrevedu l-kors tal-liġi sabiex jinħoloq kors ieħor speċjalizzat għal min jixtieq jaħdem fil-Qorti. Dan minħabba nuqqas ta’ avukati li jaħdmu l-Qorti, li ‘l quddiem tista’ twassal għal diffikultajiet fl-għażla tal-membri tal-ġudikatura.