F’dibattitu bejn iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista spikkaw il-battuti xejn kumplimentużi, il-ġlied fil-beraħ fil-partit u anki n-nuqqas ta’ diskussjoni fuq temi nazzjonali.
Minflok id-diskussjoni bdiet dwar is-saga tat-taxxa u l-VAT.
Dwar il-fatt li ġie żvelat li Bernard Grech lanqas iddikjara mat-tnejn u tletin elf ewro fi flus li daħħal minn attività kummerċjali li fiha kien iraqqad għandu studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż, huwa waħħal fl-iskola tal-istudenti.
Grech qal, “Din kien hemm nuqqas minn naħa tal-iskola u minħabba li kien hemm nuqqas minn naħa tal-iskola kellhom jiġu ddikjarati, mhux għax kien hemm nuqqas minn naħa tiegħi u jiena dan irrikonoxxejtu.”
Dwar l-istess suġġett tan-nuqqasijiet fiskali tiegħu, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qal li n-nies jistgħu jafdawh.
“In-nies jistgħu jafdawni fis-sens li meta jien kelli d-diffikultà kif kulħadd ikollu d-diffikultà u din irridu nirrikonoxxuha, jiena erfajt l-obbligu tiegħu.” Qal Grech.
Pronta ġiet l-ewwel botta t’Adrian Delia.
Delia qal, “Il-ħabib tiegħi Bernard tkellem għalih innifsu peró jien qatt ma kelli problemi finanzjarji u qatt ma kelli kwistjonijiet rigwardanti taxxa.”
Il-firda fil-Partit Nazzjonalista kienet kwistjoni taħraq u li ħadet ħafna mid-dibattitu rrekordjat.
“Però l-għaqda tiġi meta jkun hemm ir-rieda tajba miż-żewġ naħat mill-bnadi kollha. Ċertament fl-aħħar tliet snin kellna vjaġġ u rridu nkunu onesti man-nies. Kien hemm nies li ma riduwiex l-għaqda.” Qal Delia.
F’ħin minnhom il-qiegħa saħnet sew u ż-żewġ kandidati spiċċaw jinterrompu lil xulxin.
B’naħa ssikket lil oħra.
Grech qal, “L-għaqda ma tiġix billi jiena intik bil-frosta, billi inti tissottometti ruħek għaliha. L-għaqda tiġi bir-rispett.
Delia wieġeb, “Jekk b’xi mod qed tissuġġerixxi li xi ħadd jagħti bil-frosta, ejja nkunu ċar man-nies u ngħidulhom il-verità. Mhux hekk.”
Grech wieġeb lura, “Jekk ħa nitkellmu fuq xulxin mhux ħa nħallu d-djalogu u allura min jixtieq jitkellem u jgħid il-verità lin-nies u x’jaħseb hu allura nkunu qed nagħmlu disservizz lil min isegwina u allura ma nibnux id-djalogu.”
Delia nfexx jindirizza lil dawk li sfiduċjawh u li ma ħallewhx imexxi.
Delia qal, “Ma jistax ikollok min jgħid li jrid l-għaqda u ma jagħmilx ħlief ifixkel. Ma jagħmilx ħlief jgħajjar. Ma jagħmilx ħlief jikber, jiffabbrika, jagħmel il-bsaten fir-roti.” u kompla jgħid, “Ħlief ma dawk li qed jagħmlu intenzjonalment ħsara mhux lili imma lill-Partit.”
Min-naħa l-oħra, Bernard Grech iddefenda u ħareġ għonqu għad-deputati ribelli.
Grech qal, “Għax kull darba we single out lill-persuni li jagħtu u li għamlu vot ta’ sfiduċja. Naħseb dan m’huwiex korrett.”
Delia imbagħad nibex lil kontestant l-ieħor li hemm min fil-grupp parlamentari ma jridux.
“Anke lil Bernard stess kien hemm min ma riedux fil-Grupp Parlamentari.” Qal Delia.
Delia kompla jinfexx f’attakki kontra dawk li issa jinsabu wara Bernard Grech u talabhom biex jirrispettaw lit-tesserati.
Delia qal, “Jekk tmur fid-djar tan-nies jgħidulek “Għalfejn qed jagħmlu hekk?” Hemm min ma jridx jagħti spazju lil ħaddieħor. L-istess nies dawn li qabel l-2013 kienu nies li ma riduwhomx.” Hu kompla jgħid, “Mhux x’jieħdu u jissalvagwardjaw it-territorju tagħhom.” Delia żied jgħid, “Ejja issa nirrispettaw dak li jgħidu t-tesserati.”
Intant b’rabta mal-fatt li Bernard Grech qal li Kap ma jiġix elett b’mandat ta’ ħames snin, Delia qal hekk.
Delia qal,“Għax aħna l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit, l-istatut jitlob li ma tkunx għal sena jew sentejn jew meta jkun hemm xi editorjal li jidhirlu jew xi survey li tagħmel xi gazzetta li mhix tal-PN imma sal-elezzjoni.”
Fid-dibattitu li sar meta diġà vvutaw nofs it-tesserati eliġibbli, spikkaw ukoll kummenti dwar l-arja tqila u l-apatija li ilha tinħass fil-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Sfortunatament il-Partit kien nieżel, nieżel u nieżel u ħassejt li iva għandi nagħmel xi ħaġa.”