Il-Parlament tal-Iżrael ta l-poter lill-Gvern biex jipprojbixxi dimostrazzjonijiet tal-massa fi żmien li l-pajjiż qed jerġa’ jikkumbatti mat-tieni lockdown minħabba l-Coronavirus.
Id-dimostranti jridu jibqgħu fi gruppi ta’ 20 u ma jistgħux jitbiegħdu aktar minn kilometru minn djarhom.
Din il-liġi kellha tkun parti minn sett ta’ miżuri li ttieħdu l-Ġimgħa, imma l-Gvern dam biex ġab il-voti meħtieġa wara li kritiċi akkużawh li din hija mossa biex jipprova jwaqqaf il-protesti kontra l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu.
Għal ġimgħat sħaħ, eluf ta’ persuni nġabru quddiem ir-residenza uffiċjali tiegħu f’Ġerusalemm jitolbuh jirriżenja.