Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ippreżentat proposta ta’ liġi dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru għal konsultazzjoni tal-pubbliku.
L-emendi proposti jagħtu firxa aktar wiesa’ ta’ poteri lill-Pulizija sabiex jipproteġu lill-vittmi li jirrappurtaw il-każ tagħhom lill-awtoritajiet.
Fost l-iktar proposti importanti, hemm l-introduzzjoni ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni b’emerġenza. Il-Pulizija, meta jaraw li l-vittma tkun qiegħdha f’sogru imminenti jekk min hu vjolenti jibqa’ taħt l-istess saqaf, jistgħu joħorġu lil min ikun vjolenti mir-residenza komuni tagħhom b’mod temporanju.
Dan bil-ħsieb li m’għandhiex tkun il-vittma li jkollha toħroġ minn darha stess, speċjalment wara li tkun għaddiet minn esperjenza trawmatizzanti.
Lil hinn mill-pieni punittivi, il-proposta tħares lejn l-għajnuna lil min ikun vjolenti, biex jirrealizza li attitudni vjolenti mhijiex in-norma f’soċjetà ċivili.
Il-Ministru qalet li l-Gvern Malti kien wieħed mill-aktar pajjiżi attivi fil-formolazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, magħrufa bħala il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. F’Novembru tal-2014 il-Gvern Malti kien wieħed minn tal-ewwel li rratifika din il-Konvenzjoni.
Il-Minsitru spjegat li dan il-Gvern ma waqafx hemm. Immedjatament wara din ir-ratifika issejjaħ kumitat inter-Ministerjali sabiex jistudja kif il-liġi preżenti għandha tiġi mtejba biex tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u toffri rimedji adegwati lill-vittmi ta’ vjolenza.
Dan għaliex minkejja li l-Konvenzjoni hija diġà infurzabbli f’Malta, u minkejja l-isforz kontinwu tal-awtoritajiet sabiex jippromwovu soċjetà mingħajr vjolenza, il-vjolenza fuq in-nisa għadha sa llum tifforma parti mir-realtà ta’ Malta ta’ llum.
Il-White Paper qed tipproponi numru ta’ emendi li mhux kollha ġew implimentati tul is-snin. Skont rapport tal-FRA, l-Aġenzija Ewropea tad-drittijiet fundamentali, dwar il-vjolenza kontra n-nisa, waħda minn kull tlett nisa ibatu minn xi forma ta’ vjolenza tul ħajjithom.
Minn dawn, waħda minn kull għaxar nisa, xi darba esperjenzat xi tip ta’ vjolenza sesswali, inkluż stupru, qabel ma’ għalqet il-ħmistax-il sena.
Madanakollu, n-nuqqas ta’ rapporti mill-vittmi lill-awtoritajiet jibqa’ fenomenu globali.
Skont l-istess rapport, 14% biss ta’ dawn in-nisa irrappurtaw inċidenti ta’ vjolenza, waqt li l-bqija għażlu li jibqgħu siekta għal bosta raġunijiet.
F’Malta dan iseħħ ukoll, u din il-proposta ta’ liġi taspira, fost oħrajn, li tagħti kuraġġ lil dawk il-vittmi li sa issa għażlu li jibqgħu siekta u jbatu weħidhom sabiex jitkellmu.
Il-Minsitru Dalli spjegat li din il-liġi, flimkien ma’ proposti oħrajn li l-Gvern qiegħed jjavvanza fosthom il-proposta ta’ liġi dwar l-Ugwaljanza, tħares lejn soċjetà fejn kulħadd, inklużi l-irġiel, minoranzi tal-ġeneru u kwalunkwe persuni oħrajn li jistgħu jisfaw vittmi tal-vjolenza, ikunu verament liberi mill-vjolenza.
Iktar ‘il quddiem din is-sena se tkun preżentata strateġija nazzjonali li tikkumplimenta dan l-abbozz ta’ liġi.