F’temp ta’ ftit aktar minn sena korrejt tliet darbiet.
Nixtieq nerġa’ nsir omm, iżda infertili.
Dan huwa kliem Janice Grech, mara li bil-ħerqa kollha qed tistenna li f’Malta tiġi implimentata l-liġi li tagħti permess l-importazzjoni ta’ bajda ta’ mara minn barra l-pajjiż.
Janice qaltilna li minħabba li issa qabżet l-erbgħin sena qed issib diversi ostakli.
“F’dawn l-aħħar 14 months kelli tlett miscarriages, minn hawn Malta minn ċertu tobba mhux li kien hemm għajnuna għax kif tgħidilhom għandi 43 jaqtgħulek qalbek qisek qed tagħmel xi ħaġa kbira, mentri imbagħad meta tibda tara ċertu affarijiet barra tibda tinduna kemm hi vera xi ħaġa komuni.”
Din il-liġi daħlet f’Malta fl-ewwel ta’ Ottubru tal-elfejn u tmintax, fejn mara tista’ ssib mara minn Malta stess biex ittiha bajda u tkun tista’ tinqabad tqila.
Iżda l-liġi tgħidlek ukoll li d-donatriċi ma tista’ bl-ebda mod tkun tiġi minnek u li peress li Malta hija ferm żgħira bħala pajjiż ħafna nisa jkunu jippreferu jieħdu bajda minn kliniċi barra pajjiżna.
Ma’ dan l-istazzjon id-Direttur tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni Simone Attard spjegat li minħabba l-proċess huwa kkumplikat u delikat, sal-ġurnata tal-lum għadhom għaddejjin negozjati ma’ kliniċi barranin sabiex fil-futur qrib Malta tkun tista’ timporta bajd ta’ nisa barranin ukoll. Negozjati li mexjin ġmielhom.
“Il-klinika bħalissa għadha għaddejja bi proċess għalih fejn jidħol il-bajd tal-mara biex jiġi liċenzjat. Tajjeb li ngħidu fejn tidħol l-isperma tar-raġel dak diġa’ huwa liċenjzat f’Malta biex isir. Proċess huwa biex aħna nassiguraw li l-kwalità u quality and safety ta’dak li nkunu se nimpurtaw ikun skont ir-regoli tal-EU u anke skont il-liġi Maltija.”
Attard spjegat li donatur tista’ tagħti bajda lil mara waħda biss minħabba li wara jista’ jkollok kumplikazzjonijiet ta’ diversi aħwa f’familji differenti.
Fl-intervista u fid-dawl ta’ ħafna kummenti kontra ta’ dan il-proċess, Janice Grech qaltilna li l-importanti li wara din il-ħafna tbatija fl-aħħar mill-aħħar fil-familja tinbet imħabba u ħajja ġdida.
“Din hija l-istess ħaġa bħal meta taddotta, bħal meta tadotta tifel jew tifla ġibtu ta’ tlett snin xorta ħa tħossu parti minnek iġifieri at the end of the day il-familja ħa tgħaqqada u l-importanti li tkun tħobbu iġfieri jkun parti minnek u naħseb li hi xi ħaġa importanti mmens.”
Il-klinika f’Mater Dei s’issa għandha l-liċenżja li timporta biss sperma għall-użu ta’ rġiel infertili.