Illum kmieni waranofsinhar, il-Kunsill Lokali tal-Gżira u r-rappreżentanti tal-Midi poġġew madwar mejda biex jipprovaw isibu soluzzjoni għall-aċċess għall-baħar ta’ Manoel Island.
Il-Kunsill lokali tal-Gzira ippropona li jinfetaħ passaġġ għall-pubbliku li jwassal kemm għall-baħar tan-naħa ta’ tas-Sliema, u kif ukoll għall-baħar li jagħti għall-Belt Valletta, filwaqt li l-kumplament ta’ Manoel Island tibqa’ magħluqa għall-pubbliku. Dan għal raġunijiet ta’ sigurtà u taż-żamma tal-postijet storiċi.
F’ kummenti ma’ One News, is-sindku Conrad Borg Manche stqarr li l-Kunsill Lokali tal-Gżira offra li jaqsam l-ispejjez għas-sorveljanza u li jgħin biex iż-żoni ristretti, tal-kumplament ta’ Manoel Island jingħalqu kemm jista jkun malajr.
F’ talba raġonevoli, il-kunsill kien lest jaqbel li sakemm din l-infrastruttura titlesta u s-sistemi ta’ sigurtà jkunu installati, l-aċċess għal baħar jingħata mit-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija s-Sibtijiet u l-Ħdud.
Ir-rapreżentanti tal-Midi, il-kap Eżekuttiv Luke Coppini u s-Segretarju tal-Kunpanija Darren Azzopardi kienu ppreżentati bil-pjan tal-kunsill, liema pjan kellu jkun approvat mill-board tal-Midi qabel jaslu għal ftehim.
Għal ħabta tas-7 pm, il-kunsill lokali irċieva email mingħand il-kap eżekuttiv Luke Coppini fejn qal li l-Midi se tikkonsidra din it-talba iżda mhux ħa tikkommetti ruħha qabel ma jiltaqgħu mal-gvern biex jiddiskutu l-implikazzjonijiet kollha.
Qabel ma seħħet din il-laqgħa, il-komunikazzjoni bejn il-kunsill lokali tal-Gzira u l-Midi kienet qed issir permezz ta’ ittri ippubblikati lill-mezzi tax-xandir.
Kien wara laqgħa tal-kunsill lokali li l-Ħamis is-Sindku Borg Manche bagħat ittra jinforma lill-Midi li l-kunsilliera unanimament iddeċidew li formalment jitolbu aċċess għall-forshore. Il-Midi rrispondiet b’ ittra mill-avukat tagħha fejn tenniet li mgħandha l-ebda obligazzjoni, fil-kuntratt iffirmat mal-gvern fl-2000, li tipprovdi aċċess għall-perimetru tal-baħar.
Irrispettivament mid-deċiżjoni tal-bord tal-Midi, is-Sindku Conrad Borg Manche saħaq li l-Clean Up organizzata għas-Sibt se ssir xorta waħda, madanakollu appella biex kulħadd iżomm l-ordni u biex ħadd ma jieħu l-liġi f’ idejh.