Mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, 201 għalliem ġdid ser jibdew jgħallmu f’diversi skejjel madwar Malta u Għawdex.
Dan ifisser li f’din is-sena skolastika se jkun hemm aktar għalliema ġodda mis-sena skolastika li għaddiet u dik ta’ qabel.
Waqt li ltaqa’ ma’ dawn l-għaliema l-ġodda b’mod virtwali, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici feraħ lil kull min se jibda’ sena skolastika ġdida, kemm fis-settur tal-iskejjel tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti.
Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħol tal-għalliema għaliex huma r-ruħ għal kull sistema edukattiva effettiva. Qal li l-Ministeru qed jaħdem sabiex jittejjeb il-profil tal-professjoni tat-tagħlim, biex titejjeb ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni bi skop morali speċifiku sabiex l-istudenti kollha jirnexxu.