Il-Ġnus Magħquda kklassifikat lil Malta fit-32 post minn 166 pajjiż f’dak li jirrigwarda azzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Dan stqarru s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li saħaq li x-xogħol ma jieqafx appenna nirċievu riżultat sabiħ anzi hu fakkar li lil hinn mill-istatistika hemm drittijiet u ħtiġijiet reali li għandhom jiġu indirizzati.
“Għamilna ħafna xogħol, għamilna ħafna xogħol fejn jidħol tneħħija tal-faqar, fejn tidħol l-ekonomija, fejn tidħol l-enerġija. Konna għamilna żviluppi tajbin allura wieħed jista’ jistrieħ u jintefa’ ftit lura. Mhux il-każ. It-tnejn u tletin post huwa biss statistika. Huwa tajjeb, ta’ sodisfazzjon, tkun taf fejn qiegħed imma hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq affarijiet ogħla mill-istatistika u allura jfisser li rridu nkomplu naħdmu fit-triq li qbadna.”
Is-Sur Cutajar spjega kif din is-sena sar pass importanti meta d-direttorat għall-iżvilupp sostenibbli tpoġġa fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. B’hekk skatta kunċett ta’ kordinazzjoni nazzjonali fost il-ministeri li jiżgura żvilupp sostenibbli fil-deċiżjonijiet li jittieħdu.
“Is-servizz pubbliku jrid jagħmel dawk il-policies kollha meħtieġa, jrid iwettaq – l-ewwel ħaġa jippjana – iwettaq u jara li jiġu implimentati b’mod ta’ sinerġija u kordinament. Kien għalhekk per eżempju din is-sena meta ġie ffurmat il-kabinett il-ġdid l-iżvilupp sostenibbli ġie mal-uffiċċju tal-Prim Ministru u ma baqax abbinat ma’ ministeru wieħed.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Permanenti Ewlieni ħabbar li fil-jum tat-Tnejn ġiet varata website fejn il-klijenti tas-servizz pubbliku jistgħu jżommu ruħhom aġġornati bl-istrateġiji ta’ kull ministeru li juru fejn qegħdin u fejn sejrin.
“Wieħed jista’ jidħol u jara l-istrateġiji li hemm biex jilħqu dawn l-għanijiet, it-triq fejn sejrin, it-triq fejn irridu naslu u dik l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-iżvilupp sostenibbli, dwar il-miri tal-iżvilupp sostenibbli li hemm mqiegħda mill-ġnus magħquda.”
Is-Sur Cutajar temm jgħid li minkejja l-fatt li ksibna riżultat sabiħ għad baqa’ ħidma kordinata kbira xi ssir bil-għan li tinħoloq sinerġija.