Nisa vulnerabbli li jinsabu f’riskju akbar ta’ vjolenza domestika jew vittmi biex ikissru ċ-ċiklu tal-vjolenza qed ikunu megħjuna permezz tal-proġett ‘Breaking the Cycle of Violence’.
Dan il-proġett identifika erba’ gruppi fil-mira, li huma: nisa LGBTIQ, nisa b’diżabiltà, nisa immigranti u vittmi ta’ vjolenza domestika. B’dan il-proġett se jkunu qed jingħataw sessjonijiet sabiex wieħed ikun jaf dwar l-identifikazzjoni ta’ sinjali ta’ vjolenza u s-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għalihom.
Barra dan, f’dan il-proġett sar programm ta’ taħriġ għal min iħareġ mal-Malta Girl Guides u l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ta’ Malta. Saru wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni ma’ avukati, dawk li qed jiffukaw fuq riżorsi umani u impjegati fis-servizz pubbliku.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal kif trid issir ħidma sabiex verament jitkisser dan iċ-ċiklu, mhux biss bil-liġijiet li se jgħinu lill-vittmi iżda wkoll billi tinbidel il-mentalità.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar qalet kif il-vittmi jsibuha diffiċli biex jirrapurtaw. Saħqet kif dawn għandhom jingħataw refuġju u għajnuna professjonnali biex ma jkunux esposti għal theddid.