Il-persuni li jixtiequ jieħdu d-divorzju m’għandomx għalfejn joqogħdu jistennew erba’ snin sħaħ, għax la d-divorzju daħal legalment, dawn m’għandhomx jiċċaħdu mid-dritt li jagħmlu dan meta jridu.
Iddikjarat dan Dr. Deborah Schembri, Avukat tal-Familja u persuna li lura fl-elfejn u ħdax, kienet minn ta’ quddiem li ħadmet qatigħ sabiex f’Malta tidħol il-liġi tad-divorzju wara referendum.
Schembri qalet propju dan fid-dawl li ftit tal-jiem ilu l-għaqda Nisa Laburisti ppreżentat mozzjoni biex ikun hemm aġġornament fil-liġi tad-divorzju.
Qalet kif “Id-drittjiet ċivili mal-kunċett ta’ restrizzjonijiet żejda ma tantx imorru flimkien. Jiġifieri l-kwistjoni li inti tista’ tiddivorzja imma mhux issa ma tantx tagħmel sens. Għandu jkun il-persuna illi jiddeċiedi meta dak id-dritt tiegħu jiżufruwixxi minnu. M’għandux jiddeċiedi l-istat li jkun patriozanti u jgħidlek inti x’għandek tagħmel ġaladarba d-dritt jeżisti diġà.”
L-Avukat Schmebri qalet li għalkemm nies separati jista’ jkollhom relazzjoni ma’ ħaddieħor, dawn ma jistgħux jiddeċiedu huma meta jiżżewġu.
Spjegat kif “Il-fatt illi xi ħadd ikun issepara iżda jkun għadu ma jistax jiddivorzja jiġifieri ż-żwieġ tiegħu jkun għadu validu sa ċertu punt tfisser li int ma tistax tkomplu b’ħajtek kemm tixtieq. Ma jfissirx li b’dan in-nies ma jistgħux jiltaqgħu ma’ ħaddieħor iżda jfisser li dawn ma jistgħux jiżżewġu lil ħaddieħor forsi kmieni kemm ikunu jixtiequ.”
Deborah Schembri spjegat il-proċess tal-emenda għal din il-liġi, li fi kliemha mhuwiex xi wieħed ikkumplikat.
Qalet li “Iridu jgħaddu liġijiet trid tinbidel ukoll il-liġi ċivili f’dan ir-rigward għax hemm klawsola partikolari illi tirristrinġi ftit inti x’tista’ tagħmel u ma tistax tagħmel. Pero mhijiex iebsa daqs kemm wieħed jaħseb għaliex tinsab fil-kodiċi ċivili. Ma tinstabx fil-kostituzzjoni u allura ma tridx żewġ terzi tal-Parlament biex tibdilha.”