F’erba’ xhur li ilu mwaqqaf l-arbitraġġ tal-kera fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, aktar minn nofs il-każijiet inqatgħu. L-iskop ta’ dan l-arbitraġġ huwa biex jara li ma jkunx hemm abbużi mill-kuntratti ffirmati bejn l-inkwilini u s-sidien.
Il-Kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-djar, Leonid McKay spjega kif it-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ kellu l-iskop illi jkun wieħed ta’ medjazzjoni u fejn hu possibbli jissolva xi tilwim bejn l-inkwilin u s-sid.
Spjega kif “Minn Mejju minn meta twaqqaf il-panel ta’ arbitraġġ kellna ħamsa u erbgħin każ li resaq għand l-Awtorità tad-Djar. Kellek il-maġġoranza tagħhom li diġà saret s-seduta u inqata; ġifieri qed nitkellmu fuq tletin każ li diġà nstemgħu u nqatgħu u saret id-deċiżjoni.”
Mill-bidu tas-sena ġew irreġistrati mat-tnejn u għoxrin elf kuntratt b’tul ta’ sena jew aktar.
Il-Kap Eżekuttiv semma kif fost it-tilwim li jara l-arbitraġġ ikun fuq il-manutenzzjoni, ħlas ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma jew bidliet fil-binja, li ssir mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-sid.
Qal kif “Il-panel ta’ arbitraġġ huwa kompletament awtonomu mill-awtorità, u l-iskop tiegħu huwa li jagħti deċiżjonijiet spediti; qed nitkellmu fi żmien ħamest ijiem u għalhekk jiltaqa’ b’mod regolari darba fil-ġimgħa fl-awtorità. L-aktar każijiet komuni illi qed niltaqgħu magħhom huma li sidien jitolbu lill-awtorità jekk għandhom id-dritt illi jżommu d-depożitu wara li l-inkwilini jkunu telqu qabel is-sitt xhur li huma mistenni minnhom.”
It-twaqqif ta’ dan l-arbitraġġ sar hekk kif mill-bidu ta’ din is-sena daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kera sabiex jiġu indirizzati l-abbużi fuq is-suq tal-kera residenzjali.