Is-Sibt filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela kkummenta dwar l-aġir ta’ Bernard Grech fil-konfront tal-kwarantina wara li martu rriżultat fil-pożittiv għall-Covid-19. Il-Prim Ministru staqsa għalfejn Bernard Grech qed japplika metodi ta’ kwarantina differenti minn dawk li qed issegwi l-bqija tas-soċjetà Maltija.
Il-Prim Ministru qal li wieħed mill-kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista jidher li kellu liġi għall-allat tapplika fil-konfront tiegħu dwar il-kwarantina.
Nhar it-Tlieta li għadda, Bernard Grech ħabbar li martu kienet ittestjat pożittiva għall-Coronavirus wara li fil-jiem ta’ qabel kienet iltaqgħet ma’ persuna li rriżultat fil-pożittiv għall-istess virus waqt li kienet il-gym.
Dakinhar Grech qal li bħala sens ta’ responsabbiltà kien se jissospendi l-kampanja fiżika tiegħu. Madankollu matul il-jum tal-Ġimgħa, tliet ijiem biss wara li beda l-iżolazzjoni Grech għamel u-turn u ħabbar li wara li ttestja negattiv darbtejn huwa kien se jkompli bil-kampanja tiegħu b’mod normali.
Is-Sibt filgħodu, l-kandidat tal-establishment fetħilha kontra numru ta’ Ministri tal-Partit Laburista li staqsew għalfejn ħamest ijiem biss wara li martu mardet bil-Coronavirus huwa waqaf mill-iżolament. Grech sostna li huwa baqa’ qatt ma tpoġġa taħt kwarantina mandatorja peress li l-aħħar kuntatt li kellu ma’ martu kien meta hi ma kellhiex sintomi u kienet għadha negattiva.
Fuq Facebook kien hemm diversi esponenti tal-establishment Nazzjonalista li qabżu għall-aġir ta’ Grech fosthom il-kritiku ta’ Adrian Delia, Wayne hewitt li deher jikkummenta fuq diversi kummenti ta’ Facebook biex jiġġustifika li Grech ħareġ mill-iżolament wara tliet ijiem biss.